L-aktar prezzijiet tal-ikel li għolew fl-aħħar xhur huma dawk l-aktar essenzjali, b’żidiet li saħansitra jaslu sa 200 ewro fuq medda ta’ xhur mill-bidu tas-sena lil hawn. Kien hemm żidiet ukoll fi prezzijiet ta’ prodotti essenzjali oħrajn, bħat-toilet paper.
Dan ħareġ minn proċess li għamlet il-UĦM Voice of the Workers matul il-Konferenza organizzata mill-Union għal Jum il-Ħaddiem, fejn kien ippreżentat studju li għamlet biex tifhem aħjar kif il-pjaga tal-għoli tal-ħajja qed taffettwa lill-familji Maltin u Għawdxin.
Keith Micallef, li mexxa dan il-proċess fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, spjega kif l-istudju sar fost tliet supermarkets, fejn kien innotat l-għoli fil-prezzijiet minn xahar għall-ieħor, għajr għax-xahar ta’ Marzu meta kien hemm diversi offerti ta’ roħs.
Hu spjega kif fl-istudju kien innotat kif ċerti prodotti kienu mmarkati ‘out of stock’ għal ċertu perjodu umbagħad reġa’ daħal fis-suq bi prezz ogħla, għalkemm dan seta’ seħħ minħabba l-isfidi fil-provvista.
Sadanittant, matul il-Konferenza, il-Professur Philip Von Brockdorff ippreżenta l-ħidma tal-UĦM wara li l-unions intalbu mill-Gvern biex iressqu l-ideat tagħhom għall-mekkaniżmu l-ġdid b’risq il-vulnerabbli, fejn spjega kif il-Union qed taqbel mal-mod kif hemm bżonn li s-sitwazzjoni ta’ min hu fil-bżonn titjieb mill-aktar fis.
Il-Professur Von Brockdorff qal li l-UĦM innotat kif il-perjodu tal-pandemija fisser diffikultajiet f’diversi provvisti. Barra minhekk, fl-aħħar snin, iddominat il-pjaga tal-prezzijiet fil-housing, partikolarment fl-isfidi biex familja tħallas is-self mal-banek, b’dan hu għoli wisq meta wieħed iqabblu mal-pagi.
Hu kompla li wieħed tajjeb jistaqsi kemm il-Gvern jista’ jdum jagħmel tajjeb għal żidiet fi prezzijiet ta’ setturi importanti, bħall-Enerġija. Min-naħa l-oħra, dwar is-Saħħa, filwaqt li wieħed japprezza l-ispiża pubblika li ssir – u li fl-aħħar snin żdiedet minħabba l-pandemija – wieħed irid jinnota l-piżijiet li l-familji jkollhom iħallsu għas-saħħa privata.
//= $special ?>