Lokali

L-unions għandhom jingħaqdu biex tkun miġġielda l-għoli tal-ħajja – Josef Vella

Appell lill-unions kollha għall-għaqda ħalli – bi pjattaforma waħda – issir ħidma kontra l-pjaga tal-għoli tal-ħajja għax hu hekk biss li jinġibed ħabel wieħed b’risq il-ħaddiema kollha Maltin u Għawdxin.

Kliem il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella fl-għeluq tal-Konferenza fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem, fejn spjega aktar fid-dettal il-viżjoni tal-Union għaż-żmien li ġej.

Josef Vella qal li għal din il-Union mhux aċċettabbli li l-politika toħloq għamad quddiem għajnejn il-ħaddiema, b’din eventwalment twassal għall-firda. Minflok, il-ħaddiema għandhom ikunu magħqudin fi ġlidiet li jolqtu lil kulħadd, bħal dik tal-għoli tal-ħajja.

Hu kompla li l-Union qed issaħħaħ l-impenn tagħha biex tkun aktar viċin il-ħaddiema, bħall-użu ta’ pjattaformi diġitali. Madankollu, għad hemm ċirkostanzi fejn ħaddiema jibżgħu jikxfu u jitkellmu għal dak li jkun tagħhom bi dritt.

Innota wkoll kif diversi postijiet tax-xogħol għandhom persuni differenti li jħaddmu ħaddiema differenti u dan ma jagħmilx ġid għall-ħaddiema, li jibqgħu bil-problemi ma’ wiċċhom u mingħajr soluzzjoni.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers esprima t-tħassib tiegħu għall-mod kif qed tonqos is-sitwazzjoni tal-ħlas ugwali għall-istess xogħol. Għax filwaqt li kulħadd jippriedka dawn l-ideat, qed nibqgħu ma naraw l-ebda frott.

Hu qal li l-ħaddiema m’għandux għaliex jibża’ jikkritika għall-ġid tiegħu, minkejja li dawn aktarx se jsibu lil min se jipprova jwaqqafhom. Madankollu, wieħed għandu jifhem li l-isfidi jgħinu lil kull wieħed u waħda minna nifhmu li kapaċi negħlbuhom.

Josef Vella qal li dwar il-prekarjat, qed nitkellmu ħafna, imma m’aħniex insarfu, filwaqt li esprima t-tama tiegħu li s-sena d-dieħla nkunu f’pożizzjoni li ngħidu li mxejna sew ‘il quddiem biex insolvu din il-kwistjoni.

Hu tenna li mhux biżżejjed li l-Gvern jara li t-toroq biss ikunu sbieħ, iżda anke l-kundizzjonijiet ta’ ħajjet il-ħaddiema Maltin u Għawdxin kollha.