Mauro Miceli inħatar b’mod unanimu President ġdid tal-fergħa Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN). Mauro Miceli huwa s-suċċessur ta’ Ivan Castillo li ġie elett Membru Parlamentari fl-elezzjoni ġenerali.
F’laqgħa li saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, l-eżekuttiv tal-Fergħa radd ħajr lil Ivan Castillo li serva bħala President tal-SĦPN għal iktar minn disa’ snin. Taħt il-gwida ta’ Ivan Castillo, l-SĦPN kompliet tkun vuċi soda favur iktar drittijiet u benesseru aħjar għall-ħaddiema kollha, f’kull faxxa tas-soċjeta’ Maltija.
SĦPN tifraħ ukoll lil Ivan Castillo li nħatar kelliemi għall-politika tax-Xogħol tal-Partit Nazzjonalista u ser jibqa’ jaħdem mill-qrib mal-SĦPN
Fl-ewwel indirizz tiegħu, Il-President ġdid Mauro Miceli rringrazzja lill-Partit Nazzjonalista tal-appoġġ u wiegħed iktar ħidma biex il-Partit Nazzjonalista ikun l-għażla naturali tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
“L-SĦPN trid tkompli taħdem id f’id mal-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tal-ħaddiema u żżid il-kuntatt ma iktar nies li jaħdmu kemm fl-amministrazzjoni pubblika u anke mal-privat. Il-Politika tax-xogħol tal-Partit Nazzjonalista se tibqa’ tiġi mfassla biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u tilħaq l-aspirazzjonijiet tal-Maltin, Għawdxin u l-ħaddiema kollha li jikkontribwixxu għall-pajjiżna”, qal is-Sur Miceli.
F’isem l-SĦPN, Mauro Miceli huwa membru tal-Kumitat Eżekutiv tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>