Każ ta’ raġel li ammetta li 10 snin ilu wettaq abbuż fuq erba’ neputijiet tiegħu taħt l-età u minħabba l-istat mentali tiegħu u kien ġie lliberat għandu jinsetma’ mill-ġdid quddiem il-Qorti tal-Maġistrati. Il-vittmi, kollha bniet kellhom anqas minn 12-il sena.
Ir-raġel li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-qorti kien ammetta li wettaq attentat vjolenti għal pudur fuq l-istess neputijiet u li ħa sehem f’attivitajiet sesswali magħhom Minbarra fil-Qorti huwa kien ammetta l-akkużi meta kien interrogat mill-pulizija.
Il-Qorti tal-Appell Kriminal qalet li l-opinjoni tal-esperti psikjatriċi nominati mill-Ewwel Qorti li wasslu għal konklużjoni li r-raġel huwa bniedem li jbati minn ritard mentali u għandu l-eta’ mentali ta’ tifel ta’ 11-il sena u ħames xhur. Minkejja dan, qatt ma kellu jwassal biex huwa jibbenefika mill-eżenzjoni li titkellem dwarha l-artikolu 37 tal-Kodiċi Kriminali, billi huwa qatt ma jista’ jkun meqjus f’għajnejn il-liġi bħala minuri.
Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Edwina Grima laqgħet l-Appell tal-Avukat Ġenerali u ordnat li l-każ ta’ raġel ta’ 29 sena, li abbuża sesswalment mill-erba’ neputijiet tiegħu jinstema’ mill-ġdid wara li l-ewwel qorti lliberatu minn kull akkuża.
L-ewwel qorti kienet eżentatu mir-responsabbiltà kriminali għax grupp ta’ esperti psikjatriċi kkonkludew li l-akkużat huwa bniedem li jbati minn ritard mentali, għandu problemi mediċi, hu persuna vulnerabbli u l-intelliġenza u l-moħħ tiegħu huwa fil-parametru ta’ tifel imfarfar.
L-Imħallef Grima qalet li l-ewwel qorti żbaljat meta ddeċidiet li r-raġel ma kienx responsabbli kriminalment tal-azzjonijiet tiegħu. Qalet li minkejja li fil-qasam tal-psikjatrija huwa jitqies bħala bniedem ritardjat f’għajnejn il-liġi l-affarijiet huma differenti.
L-Imħallef Grima qalet li l-liġi hija ċara. L-eżenzjoni tgħodd biss fil-konfront ta’ tfal minuri u mhux fil-konfront ta’ persuni adulti, għalkemm il-kapaċità tagħhom tista’ titqies l-istess dik ta’ tfal taħt l-eta.
Madankollu, qabel l-għoti tas-sentenza, il-qorti ordat pre-sentencing report wara li d-difiża qajmet dubji dwar l-istabbiltà mentali tar-raġel. Hija ordnat ukoll li l-istqarrija titħassar mill-każ peress li ttieħdet qabel ma kellem lill-avukat tal-għażla tiegħu.
Fis-sentenza tagħja l-Imħallef Grima nnutat il-fatt li l-akkużat kien ċaħad l-involviment tiegħu fil-każ mal-uffiċjal tal-probation u qal li ammetta mal-pulizija għax beża’ u għax l-avukat tah parir jammetti. Madankollu, il-psikjatri li ġew appuntati biex jintervistaw lill-erba’ neputijiet ikkonkludew li l-bniet ġarrbu l-allegat abbuż minn taħt idejn zijuhom.
L-Imħallef Grima tenniet li l-ewwel qorti kkonkludiet li r-raġel kellu diżabbiltà intellettwali u l-esperti qalu lill-qorti li huwa ma kienx qed ibati minn marda mentali akuta. Għaldaqstant is-sentenza kien annullata u l-Imħallef bagħtet lura l-każ lill-qorti tal-maġistrati biex tisma’ l-każ mill-ġdid.
//= $special ?>