Artiklu: Stewart Said
San Ġiljan ħabbru li l-kowċ Dorian Pisani ħalla l-klabb minħabba raġunijiet personali. Din l-aħbar ixxekkel ftit il-ħsibijiet tal-klabb Ġiljaniż li kien qed iħares lejn esperjenza aktar fit-tul tal-kowċ Malti.
Pisani kellu karriera mill-aqwa bħala plejer ma’ Neptunes, Marsaskala u Sirens minbarra l-impenji mat-tim nazzjonali. Hu rebaħ diversi unuri fil-karriera tiegħu fosthom sitt Kampjonati tas-Sajf ma’ Neptunes bejn l-1984 u l-1993, kif ukoll il-kampjonat ma’ Marsaskala fl-1997 u Sirens fl-2000.
Bħala kowċ, Pisani kellu esperjenzi ma’ diversi kategoriji taż-żgħażagħ minbarra diversi karigi ta’ kowċ ma’ Neptunes, Sirens u Exiles. Fl-2019, hu mexxa lil Marsaskala għar-rebħ tal-Ewwel Diviżjoni u n-knock-out. Fil-bidu ta’ Ottubru tal-istess sena, tħabbar bħala kowċ ta’ San Ġiljan u kien is-suċċessur ta’ Marko Orlovic.
Tul l-esperjenza tiegħu, Dorian Pisani mexxa lil San Ġiljan għar-rebħ tal-Kampjonat tas-Sajf fl-2020, in-knock-out darbtejn filwaqt li l-Ġiljaniżi kienu finalisti darbtejn fl-Enemed Cup. Fil-Kampjonat tax-Xitwa preżenti, San Ġiljan jinsabu fit-tieni post, tliet punti taħt Sliema, bi tliet logħbiet għat-tmiem.
//= $special ?>