Lokali Unjoni Ewropea

Rosianne Cutajar ħatja mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa

Rosianne Cutajar instabet ħatja li ma aġixxietx b’attenzjoni u mingħajr preġudizzji.

Hekk qalet l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa wara li kien deċiż li d-Deputat Laburista kisret il-Kodiċi tal-Etika tal-istess Assemblea minħabba li ma ddikjaratx il-qrubija li kellha ma’ Yorgen Fenech.

L-Assemblea, li Cutajar kienet tifforma parti minnha, innotat ukoll kif hi għażlet li ma tattendix għal stediniet li sarulha biex tixhed u tagħti l-verżjoni tagħha dwar dan ir-rapport.

Waqt li kienet parti mid-delegazzjoni Maltija, id-Deputat Laburista ma kinitx iddikjarat kunflitt ta’ interess meta l-Assemblea kienet qed tiddiskuti l-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-involviment ta’ Yorgen Fenech.

Dan wara li Cutajar kienet kisbet eluf ta’ ewro f’senserija li fiha kien involut ukoll Fenech, li hu akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista erba’ snin u nofs ilu.

Hi kienet ammettiet li rċeviet aktar minn 30,000 ewro mingħand Yorgen Fenech, għalkemm dawret il-verżjoni billi qalet li dawn kienu għal Charles Farrugia, magħruf bħala “It-Tikka”, li hu persuna oħra qrib tagħha.

Din l-aħħar kundanna minn istituzzjoni Ewropea hi t-tieni waħda għal Rosianne Cutajar, wara li hi nstabet ħatja wkoll mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.