Lokali Qorti

Erba’ snin ħabs fuq kompliċità ta’ serq fuq żewġ anzjani iżda mhux li wettqet vjolenza fuqhom

Mara mill-Qawra ġiet ikkundannata erba’ snin ħabs wara li nstabet ħatja li kienet kompliċi f’żewġ attakki ta’ “snatch and grab” f’Tas-Sliema 12-il sena ilu fuq żewġ anzjani. Waħda mill-anzjani ta’ 80 sena kienet mietet wara l-aggressjoni ta’ raġel li kien mar jisraqha. Hija nstabet ħatja wkoll ta’ pussess ta’ kokaina.

Bernice Camilleri ta’ 33 sena kienet mal-għarus tagħha u raġel ieħor meta marru Tas-Sliema b’karozza Fiat Uno u ddeċidew li jagħmlu serqa għal flus biex jixtru d-droga. Il-mara li baqgħetfil-karozza fil-ħin tas-serqiet ma nsabtx ħatja li kienet involuta li wettqet vjolenza fuq il-vittmi.

L-Avukat Ġenerali kien qed jitlob piena ta’ bejn it-tmienja u 20 sena ħabs. Waħda mill-vittmi f’din l-aggressjoni kienet Rose Garroni ta’ 80 sena, li mietet ftit jiem wara li r-raġel l-ieħor, Charles Brincat, ħatafilha l-handbag u mbottaha mal-art f’Dingli Circus. Hija waqgħet minn tula, ħabtet rasha u mietet l-Isptar Mater Dei.

Il-handbag kien fih biss €20. Brincat u l-għarus tagħha, Richard Attard, kienu ammettew ftit tas-snin ilu u ġew ikkundannati 13 u 12-il sena ħabs rispettivament għar-reati. Camilleri tat lill-Qorti rendikont ikraħ ta’ ħajjitha dak iż-żmien ma’ Attard, li ddeskriviet bħala vizzju tad-droga li jikkontrollaha b’kull mod u ma kien iħalliha tmur imkien mingħajru.

Il-Ġimgħa filgħaxija, il-Qorti sabitha ħatja ta’ serq aggravat.. Wara s-sentenza ta’ ħtija, saru sottomissjonijiet dwar il-piena mill-prosekuzzjoni u d-difiża. Nhar il-Ħamis, Camilleri qalet lill-Qorti li tant kienet iddisprata biex titbiegħed mill-għarus tagħha li meta ħareġ bil-libertà proviżorja, hija għamlet minn kollox biex tagħha tiġu revokatha biex tmur lura l-ħabs biex tkun ’l bogħod minnu. Xehdet li Attard kienet saħansitra ried iġġiegħelha tipprostitwixxi ruħha.

Waqt li xehdet fil-ġuri tagħha, mingħajr ġurati, hija qalet li Brincat kien aggredixxa lill-vittma, filwaqt li hi u Attard poġġew bilqiegħda fil-karozza u qagħdu jistennew. Fil-bidu tax-xhieda tagħha l-akkużata qalet lill-Imħallef li Attard kien l-ewwel għarus tagħha u li bdew joħorġu minkejja r-reżistenza inizjali mill-ġenituri tagħha li kienu jibżgħu għall-fatt li hi kellha 13-il sena u Attard kienet tmien snin akbar minnha u li kien anke jabbuża mid-droga.

L-avukati Arthrur Azzopardi u Rebecca Merceica huma avukati difensuri ta’ Bernice Camilleri. L-Avukati Anthony Vella u Karl Muscat, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, qed imexxu l-prosekuzzjoni. Is-sentenza ngħatat mill-Imħallef Aaron Bugeja.