Internazzjonali

Ukrajna: L-OSCE qed twaqqaf il-missjoni ta’ moniteraġġ wara tmien snin

L-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) ħabbret li se jkollha twaqqaf il-missjoni ta’ moniteraġġ li ilha effettiva fl-Ukrajna għal dawn l-aħħar tmien snin.

Il-missjoni partikulari bbażat fuq l-osservazzjoni ‘tal-azzjonijiet u movimenti’ fl-artijiet Ukreni tal-lvant u issa għandha tieqaf wara li r-Russja – bħala membru tal-OSCE – eżerċitat il-veto għall-estensjoni ta’ din il-missjoni.

Il-Ministru Pollakk għall-Affarijiet Barranin, Zbigniew Rau – li hu anki ċ-Chairman tal-OSCE – qal li d-deċiżjoni biex tieqaf il-missjoni ma kenitx waħda faċli. Fl-istess ħin, hu qal li “il-pożizzjoni tal-Federazzjoni Russa għalqet kull possibbiltà li din il-missjoni tibqa’ tiffunzjona ( fl-artijiet tal-lvant tal-Ukrajna).’

Il-missjoni tal-OSCE f’dik iz-zona kienet kruċjali għaċ-ċirkolazzjoni ta’ informazzjoni ‘oġġettiva’ dwar is-sitwazzjoni mal-art. Dan waqt li l-OSCE, permezz ta’ din il-missjoni, setgħet tiffaċilita l-ftehim għal waqfien mill-ġlied hi u taħdem biex tnaqqas l-impatt tal-gwerra għall-popolazzjoni ċivili.

Is-Special Monitoring Mission tal-OSCE għall-Ukrajna kien ilu jiffunzjona mill-2014 meta żbroffa l-konflitt bejn it-truppi tal-Ukrajna u r-ribelli separatisti appoġġjati mir-Russja li qegħdin jokkupaw diversi zoni lejn il-lvant tal-Ukrajna. Dan meta l-OSCE kienet anki l-unika organizzazzjoni internazzjonali li baqgħet issegwi dan il-konflitt b’mod dirett.