Lokali

Espressjoni ta’ interess waħda għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista

Is-Sibt f’nofsinhar għalaq il-proċess fejn dawk kollha interessati għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista setgħu jippreżentaw l-espressjoni ta’ interess tagħhom.

Il-Ħamis Bernard Grech ippreżenta l-espressjoni ta’ interess tiegħu liċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista Peter Fenech. U din kienet l-uniku espressjoni li giet prezentata.

Issa dan il-proċess jgħaddi għat-tieni stadju dak tad-due diligence, u wara jinfetħu n-nomini.

Il-Ħadd li għadda kien infetah ufficjalment il-proċess sabiex il-Partit Nazzjonalista jeleġġi l-Kap tiegħu. Wara r-riżultat tal-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu, l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista kien obbligat, skont l-istatut, li jsejjaħ kunsill ġenerali sabiex iressaq mozzjoni għall-approvazzjoni tal-Kunsilliera biex tinfetaħ sejħa għall-kariga ta’ Kap tal-Partit. 

L-istatut tal-Partit Nazzjonalista jitlob li meta jkun hemm telfa elettorali, ma jkunx hemm konferma ta’ Kap ta’ Partit iżda jkun hemm elezzjoni mifuħa u trasparenti biex kull min irid jipparteċipa, ikun jista’ jagħmel dan.

Kif jindika l-Istatut, f’każ ta’ kandidat wieħed, il-vot jittieħed fil-Kunsill Ġenerali li ghandu jitlaqqa’ fil-gimghat li gejjin.