Fil-Partit Nazzjonalista kulħadd huwa validu… u hija l-ħidma ta’ kull persuna li twassal biex ikun hemm grupp wieħed magħqud u b’saħħtu ħalli dan il-partit jimxi ‘l quddiem.
Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta s-Sibt filgħodu kien intervistat mill-Professur Andrew Azzopardi waqt il-programm Andrew Azzopardi on 103.
“Irridu nimxu ‘l quddiem bħala partit wieħed bi strateġija waħda… bi Grupp Parlamentari li jiddiskutu u jkollu pożizzjoni waħda u dik il-pożizzjoni mbagħad tkun ta’ kulħadd.“
Bernard Grech qal li dan huwa l-mument fejn il-Partit Nazzjonalista jrid ikompli jiġġedded… fejn id-diżappunt tar-riżultat tal-elezzjoni ġenerali għandu jinbidel f’enerġija sabiex kulħadd ikompli jaħdem. Għalhekk l-importanza li jkun hemm djalogu kontinwu ma’ kulħadd.
“Se nibqa’ ndur kull lokalità u niltaqa’ mal-membri tal-kumitati f’dik il-lokalità biex jien nitkellem direttament għax kulħadd irid jerġa’ jibda jħossu li huwa parti importanti mill-istruttura tagħna.“
Huwa qal li bil-ħidma ta’ kulħadd, il-Partit Nazzjonalista matul dawn il-ġimgħat kompla jirriġenera ruħu fejn fost l-oħrajn għandu 20 deputat ġdid fil-Parlament li flimkien ma’ Deputati oħra li għandhom esperjenza, se jkomplu jtejbu l-politika tal-Partit Nazzjonalista sabiex għal darb’oħra jerġa’ jsir partit popolari.
Bernard Grech għamilha ċara li mhux se jibqa’ jittollera li bi kliemhom, persuni jagħmlu ħsara lill-Partit Nazzjonalista. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni hija determinata li tibqa’ taħdem sabiex ikun hemm ġustizzja ma’ kulħadd.
“Se nkomplu ngħidu u nitkellmu, mhux biss bħala Oppożizzjoni ngħidu dak li mhux sewwa imma nittekiljaw dawk l-issues li jkun qed jaffettwaw lill-poplu, żgur fost l-oħrajn, l-iktar importanti l-għoli tal-ħajja.“
Il-Kap tal-PN insista li d-daqqa tal-għoli tal-ħajja bla dubju kulħadd qed iħossha … fosthom il-ħaddiem, il-familji u l-pensjonanti. U quddiem din is-sitwazzjoni, Bernard Grech qal li issa, huwa d-dmir tal-Gvern Laburista li jindirizza din il-problema li qed taffettwa lil kulħadd.