Lokali

Abela ma jgħidx kif se tkun miġġielda l-pjaga tal-għoli tal-ħajja

Filwaqt li aktar Maltin u Għawdxin qed iħossuhom fgati fil-morsa tal-għoli tal-ħajja, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ma ppreżenta l-ebda soluzzjoni għal din l-isfida.

Minflok, f’attività politika quddiem Kastilja, Abela nħeba wara l-iskuża li Malta għandha nofs l-inflazzjoni li hemm fl-Ewropa u li l-Gvern tiegħu għandu l-prijoritajiet ġusti.

Madankollu, hu ma għamel l-ebda referenza għall-fatt li f’pajjiżna, il-pagi huma ħafna anqas minn dawk fil-pajjiżi Ewropej.

Fil-jum meta pajjiżna qed ifakkar ukoll it-18-il anniversarju mis-Sħubija fl-Unjoni Ewropea, il-Mexxej Laburista qal li jmexxi l-Partit tal-Iva. Madankollu, ipprova jnessi li l-Partit tiegħu kien ħadem bla heda biex pajjiżna jibqa’ barra mill-Unjoni u kawża ta’ dan, kienu jintilfu eluf ta’ miljuni ta’ ewro f’fondi.

Fid-diskors moqri li kellu quddiemu, Abela tenna li l-Manifest Elettorali tal-Labour hu l-ftehim li l-partit tiegħu għandu mal-poplu. Dan meta jrid li n-negozjanti jiddejnu mal-Gvern l-għajnuniet futuri li se jkunu qed jingħataw f’każ ta’ kriżijiet li ma jkollhomx kontroll fuqhom.

Dan fid-dawl tal-fatt li ħafna negozjanti Maltin u Għawdxin qed jintlaqtu minn sfidi kbar, partikolarment kawża tal-gwerra fl-Ukrajna, kif ukoll l-effetti li mistennija jkomplu jinħassu anke kawża tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

Sadanittant, minkejja li l-attività kienet waħda purament politika, il-Mexxej Laburista ħareġ mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jindirizza lill-partitarji ta’ quddiemu.

Dan f’okkażjoni oħra ta’ kemm il-Labour ma jagħmilx distinzjoni bejn Gvern u Partit, kif ukoll għax għamel l-Uffiċċju tal-Prim Ministru daqslikieku hu l-Kwartieri tal-Partit.