Lokali

Clyde Caruana jgħid mal-MaltaToday li jrid jibda jissikka ċ-ċintorin

Konferma illi l-Gvern se jibda jissikka ċ-ċintorin. Dan hekk kif issa…wara r-rebħa elettorali tal-Labour… Clyde Caruana ikkonferma mal-ġurnal MaltaToday li  l-Gvern qed janalizza n-nefqa tiegħu.

Filwaqt li baqa’ kommess li jżomm stabbli l-prezzijiet tal-fjuwil u tal-enerġija, Caruana insista li xorta waħda hemm bżonn li jżomm attenzjoni fuq id-defiċit…hekk kif l-iżbilanċ fil-finanzi tal-pajjiż qed jibda jinħass. Fil-fatt, ċifri maħruġa mill-Eurostat urew li fl-2021 Malta rreġistrat defiċit ta’ 8% …. l-ogħla wieħed fost l-istati membri tal-Unjoni Ewropea.

Dan kollu juri li għaddejjin studji sabiex il-Gvern jara kemm se jkun qed jaqta’ u jissikka l-ispiża tiegħu.

F’kummenti lill-MaltaToday…il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana insista li qed jara fejn jista’ jissikka ċ-ċintorin biex jelimina dak li sejħilhom bħala spejjeż mhux neċessarji.

Intant…dan it-tħassib dwar l-iżbilanċ jidher li qiegħed ukoll fuq moħħ l-eks Ministru u issa Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna, hekk kif insista li hemm bżonn ta’ strateġija illum qabel għada biex jitnaqqas id-defiċit.

Dan qalu f’intervista mal-Business Today, fejn insista li l-konsumaturi għandhom sempliċiment jaċċettaw il-fatt li minħabba l-gwerra hawn ħafna skarsezza fost l-oħrajn ta’ gass u qamħ. U għaldaqstant, saħaq li l-konsumatur għandu jbiddel l-imġieba tiegħu ….u jużahom inqas.

Għaldaqstant it-tħassib u d-domandi huma inevitabbli – kif se jkun qiegħed jagħmel il-Gvern sabiex jipproteġi but il-poplu, u liema spejjeż Clyde Caruana se jkun qed jaqta u jikkunsidra bħala mhux neċessarji?

Inqas minn xahrejn wara l-elezzjoni, b’pagi enormi għal tal qalbha….issa l-Gvern spiċċa sfurzat jissikka ċ-ċintorin.