Futbol Sport

Everton jibqgħu jittamaw b’rebħa fuq Chelsea…Tiħrax il-battalja bejn Spurs u Arsenal

(Ritratt: EPA)

t-taqtigħa fin-naħa t’isfel tal-Premier Ingliż saret aktar interessanti, b’Everton jiksbu rebħa kruċjali, 1-0, fuq Chelsea f’Goodison Park biex naqqsu d-distakk mat-tim ta’ fuqhom, Leeds United, għal żewġ punti biss. Everton, fl-istess ħin, lagħbu logħba anqas minn Leeds u bilfors kellhom jirbħu l-konfront tal-bieraħ wara li bdew il-jum fit-tielet post mill-aħħar – b’ħames punti anqas mill-avversarji ta’ Yorkshire u minn Burnley. Dan wara li Leeds kienu tilfu f’darhom ma’ Manchester City bl-iskor kbir ta’ 4-0 waqt li Burnley irnexxielhom jiksbu tliet punti oħra għall-ispejjeż ta’ Watford.

Intant, Everton qed jissieltu biex iżommu posthom fl-ogħla diviżjoni fejn ilhom għal dawn l-aħħar 58 sena – bl-iżblokk deċiżiv fil-logħba ma’ Chelsea jasal mal-ftuħ tat-tieni taqsima meta l-attakkant Brażiljan, Richarlison, seraq il-ballun lil Cesar Azpilicueta f’tarf il-kaxxa biex jiskorja l-uniku gowl tal-konfront ( u d-disa’ wieħed personali tiegħu fl-istaġun). Il-midfielder Ukren ta’ Everton, Vitalii Mykolenko, imbagħad tilef ċans tajjeb għat-2-0 iżda kellu jkun il-gowlkiper Jordan Pickford li salva r-riżultat għat-Toffees meta newtralizza x-xutt angolat ta’ Mason Mount – bil-ballun jaħbat maż-żewġ lasti qabel spiċċa barra. U mill-korner sussegwenti, Pickford kellu jinxteħet minn tulu biex isalva b’wiċċu x-xutt mill-qrib ta’ Antonio Rudiger. Minn dak il-ħin, il-plejers ta’ Everton irtiraw bħala kollettiv u ftit ħallew spazju lil Chelsea – għalkemm Pickford kellu jwettaq save spettakolari ieħor fuq it-tentattiv mill-bogħod ta’ Ruben Loftus-Cheek. Din kienet anki anki r-raba’ rebħa fi tlettax il-logħba ( fil-league) għal Frank Lampard mindu laħaq manager ta’ Everton minflok l-Ispanjol Rafa Benitez.

Intant, l-attakkant Korean Son Heung-min skorja darbtejn għal Tottenham, b’Harry Kane ukoll isib ix-xibka fir-rebħa, 3-1, ta’ Spurs fuq Leicester City f’The New White Hart Lane. B’hekk qed tkompli t-taqtigħa bejn Spurs u Arsenal għar-raba’ post fil-klassifika li jfisser kwalifikazzjoni għaċ-Champions League fl-istaġun li ġej — bl-ewwel gowl għal Tottenham jasal minn Kane (22) li konkluda bir-ras fuq il-korner ta’ Son Fis-60 minuta, Son Heung-min – bla dubju l-aħjar plejer fil-grawnd – irċieva mingħand Dejan Kulusevski biex jegħleb mill-ġdid lill-gowlkiper Schmeichel. L-istess attakkant, 20 minuta wara, issiġilla r-riżultat b’xutt bid-dawwra għal gowl ieħor sensazzjonali. Fil-ħin miżjud kien imiss lil Kelechi Iheanacho li jiskorja l-gowl tal-bandiera għall-Foxes b’xutt preċiż minn barra l-kaxxa.

Intant, Arsenal wieġbu bl-aħjar mod għar-rebħa ta’ Spurs b’riżultat ieħor utli li swielhom tliet punti imprezzabbli – din id-darba għall-ispejjeż ta’ West Ham United. Ir-rebħa fil-London Stadium tfisser li t-tim ta’ Mikel Arteta mill-ġdid qabeż lil Tottenham — ir-rivali ta’ Londra eterni – fir-raba’ post tal-klassifika u meta ż-żewġ tims fadlilhom erba’ konfronti oħra għal tmiem l-istaġun. Il-gowls fir-rebħa, 2-1, għall-Gunners waslu minn żewġ difensuri – b’Rob Holding (38) jiftaħ l-iskor bir-ras mill-korner ta’ Saka u b’Gabriel Magalhaes jiskorja t-tieni gowl deċiżiv ( ukoll bir-ras) kmieni fit-tieni taqsima. Il-gowl ta’ Gabriel wasal f’ħin meta West Ham kienu qed jieħdu kmand tal-logħba u wara li huma kienu kisbu d-dro, sekondi qabel il-mistrieħ, mill-prolifiku Jarrod Bowen.

PREMIER LEAGUE

Is-Sibt: Newcastle v Liverpool 0-1, Aston Villa v Norwich 2-0, Southampton v C’Palace 1-2, Watford v Burnley 1-2, Wolves v Brighton 0-3, Leeds v Man City 0-4 Illum: Everton v Chelsea 1-0, Tottenham v Leicester 3-1, West Ham v Arsenal 1-2 Għada: Man Utd v Brentford 9.00pm