Internazzjonali

Ġermanja-Italja: Tkompli t-tilwima dwar kumpens dovut għall-era Nażista

Il-Ġermanja ressqet każ kontra l-Italja quddiem l-ogħla qorti tan-Nazzjonijiet Uniti fejn qed tikkuntesta t-tentattivi tat-Taljani biex jitħallsu kumpens għar-reati li n-Nażisti kienu wettqu f’pajjiżhom matul it-Tieni Gwerra Dinjija.

Ir-rikors tal-Ġermanja lill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja jisħaq li l-Italja qed tippermetti dawn il-każi fil-qrati domestiċi minkejja d-digriet tal-2012 li jiddikjara l-mandati bħala inammissibbli. Fl-istess ħin il-Ġermanja qalet li mill-konferma tad-digriet ‘il hawn tressqu xejn anqas minn 25 każ ġdid għal kumpens fl-Italja – b’numru ta’ qrati Taljani jaqblu li l-kumpens jitħallas.

Il-Ġermanja qed tippersisti b’dan il-mandat fil-qorti minħabba żewġ każi pendenti li kapaċi jwasslu għall-ħtif tal-assi tal-Istat Ġermaniż f’Ruma. Dan bil-għan li l-assi jiffinanzjaw il-ħlas ta’ kumpens lill-familji Taljani li batew mill-aġir tan-Nażi.

Fil-fatt, qorti fl-Italja, fil-25 ta’ Mejju, għandha tiddeċiedi jekk tisfurzax il-bejgħ tal-bini inkwistjoni li wħud minnhom jinkorporaw l-istituzzjonijiet kulturali, storiċi u edukattivi tal-Ġermanja.

It-tilwima tmur lura għall-2008 meta l-ogħla qorti fl-Italja deċidiet li l-Ġermanja għandha tħallas miljun ewro lill-qraba ta’ disa’ persuni li, fl-1944, kienu fost numru ta’ Taljani massakrati mill-qawwiet Nażisti tal-Ġermanja fir-reġjun ta’ Toscana.

Il-Ġermanja, issa, qed tinsisti li ħallset diġà l-biljuni tal-ewro lill-pajjiżi li ġarrbu l-impatt tat-Tieni Gwerra mit-tmiem tal-konflitt, fl-1945. U issa, Berlin qed jinsisti li l-Italja abbużat l-obbligu tagħha biex tirrispetta l-immunità tal-Ġermanja f’din is-sitwazzjoni u li fuq kollox kienet deċiża skont il-liġi internazzjonali.