Lokali

Ikompli l-għoli tal-prezzijiet tal-ikel u oġġetti oħra

“Pajjiżna qed jiffaċċja problema serja ta’ anzjani – li mhumiex żgħar fin-numru – li qed jiffaċċjaw problemi serji biex jiġġestixxu l-ħajja tagħhom minħabba li l-ftit flus li għandhom iridu jaraw kif se jużawhom għal skop ta’ xiri ta’oġġetti tal-ikel u prodotti mediċinali.

“Għandna madwarna anzjani li qed jgħixu fi tħassib kbir għas-sempliċi raġuni li d-dħul tagħhom – ħafna drabi l-pensjoni li jirċievu fix-xahar – mhix biżżejjed biex isservihom sal-pensjoni ta’ wara.

Dawn huma anzjani li qed jgħixu fil-biża’… u, sa ċertu punt, fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar.

“Quddiem dan ix-xenarju pajjiżna ma jistax jibqa’ passiv u jiftaħar bis-surplus, iżda mbagħad hawn missirijietna u ommijietna li qed ikollhom diffikultajiet serji biex jgħixu l-ħajja deċenti tagħhom.”

Din id-dikjarazzjoni għamlitha ma’ Il-Mument Paula Mifsud Bonnici, Deputat ġdid Nazzjonalista li hi wkoll il-Kelliem tal-PN għall-Anzjanità Attiva. Paula Mifsud Bonnici bdiet biex fissret li ż-żieda fir-rata annwali tal-inflazzjoni f’Malta, iż-żieda eżorbitanti fil-prezzijiet tal-ikel u ż-żieda ta’ persuni li qegħdin f’riskju tal-faqar kif jirriżultaw mid-diversi studji Ewropew li qed jiġu ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), qed iħallu impatt ħażin ferm fost l-anzjani tagħna.

Wieħed jista’ jinnota li f’Marzu li għadda, ir-rata annwali tal-inflazzjoni f’Malta telgħet għal 4.5% fejn l-għoli fil-prezzijiet tal-ikel jidher li kkontribwixxa l-aktar għal din iż-żieda. Hu mistenni wkoll li l-medja annwali tar-rata tal-inflazzjoni għall-2022 se tkun qed tkompli tiżdied.

“Illum għandek aktar minn 25,000 anzjan f’riskju ta’ faqar fejn elfejn minnhom huma ukoll f’esklużjoni soċjali u għaldaqsant il-ħajja qed issir ferm iktar diffiċli għall-anzjani minkejja l-ħafna ftaħir tal-Gvern li l-anzjani tagħna qed jgħixu kwalità ta’ ħajja tajba. Ċifri li meta mqabbla ma’ snin ta’ qabel juru kemm-il qagħda tal-anzjani fil-fatt hi waħda prekarja.”

Paula Mifsud Bonnici kompliet li sfortunament, l-anzjani huma kategorija ta’ nies li huma verament vulnerabbli quddiem din il-problema. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel qiegħda tħalli lil ħafna anzjani li mhumiex iwasslu sal-aħħar tax-xahar.

Hu stabbilit minn esperti li anqas ma jkollok dħul, aktar in-nefqa fuq l-ikel u hu kkalkulat li anzjan fuq pensjoni baxxa jonfoq 40% għall-ikel. Il-problema hi akbar milli tidher meta tinduna li għandna anzjani f’pajjiżna li qed jiddejnu fuq il-pensjoni tagħhom biex jieklu jew li saħansitra qed ikollhom iduru għall-għajnuna mill-parroċċi u l-Kunsilli Lokali.

Qiegħed jiġri wkoll li, għaliex l-aktar ikel bnin u tajjeb għas-saħħa tal-anzjani tagħna hu l-aktar għoli, ħafna anzjani ma jaffordjawx jixtru dan it-tip ta’ ikel bil-konsegwenza li qed jieklu ikel li hu ta’ detriment għal saħħithom.

Paula Mifsud Bonnici qalet li għandek ukoll iż-żieda fil-prezzijiet tal-mediċini li wkoll qed tħalli impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani tagħna. Sfortunament għandna anzjani li jridu jagħżlu bejn jekk jixtrux ikel tajjeb għal saħħithom jew jixtrux mediċini li għandhom bżonn għall-kura tagħhom li mhumiex qegħdin fuq il-formularju tal-Gvern, bil-konsegwenza li jekk ma jeħdux il-kura neċessarja, ikollhom aktar problemi f’saħħithom.

Wasal iż-żmien li l-Gvern jikkunsidra bis-serjetà li jżid aktar mediċini ġodda u innovattivi fuq il-formularju tiegħu u jagħti l-mediċini kollha b’xejn lill-anzjani tagħna. Dawn huma żewġ proposti li l-Partit Nazzjonalista ilu jagħmel għal diversi xhur.

Hi fissret li wieħed ma jridx jinsa ż-żidiet fil-kirjiet tar-residenzi li f’każijiet fejn dawn mhumiex protetti bil-liġi ħallew impatt ħażin ħafna fuq l-anzjani.

Mistoqsija x’qiegħed jagħmel il-Gvern f’dan ir-rigward, Paula Mifsud Bonnici qalet li “ma nistgħux nippermettu li jkollna anzjani bla saqaf fuq rashom u allura hu importanti li l-Gvern ipoġġi għall-kera postijiet/appartamenti adegwati b’kera li jlaħħqu magħha anzjani li jkunu tilfu darhom jew li ma jifilħux għall-kera li tkun ġiet imposta fuqhom. L-anzjani tagħna jixirqilhom li jibqgħu jgħixu fil-qalba tal-komunità fejn trabbew u għexu.

Irriferiet għal studju Ewropew li kien ippubblikat mill-NSO proprju f’dawn il-jiem, u li juri li 9.8% tal-familji Maltin u Għawdxin huma mċaħħda minn ċerti bżonnijiet bażiċi jew attivitajiet soċjali li jikkontribwixxu għall-kwalità tal-ħajja tal-individwu fejn għandek 3.6% tal-anzjani li lanqas biss jaffordjaw mezzi ta’ komunikazzjoni moderni għall-użu personali minħabba nuqqas ta’ mezzi finanzjarji, bil-konsegwenza li għandek ħafna anzjani li jgħixu waħedhom maqtugħa mill-bqija tal-popolazzjoni u jgħixu f’solitudini. Il-Gvern għandu jipprovdi dan is-servizz b’xejn lil dawn l-anzjani.

Mistoqsija dwar aktar pensjonijiet diċenti għall-anzjani, Paula Mifsud Bonnici rrimarkat li jiftaħar kemm jiftaħar dan il-Gvern li żied il-pensjonijiet, jibqa’ l-fatt li l-pensjonijiet tal-lum mhumiex adegwati biex l-anzjani jgħixu ħajja diċenti.

Bħalma familja ma jirnexxiliex tgħaddi b’paga minima, daqstant ieħor ma nistgħux nippretendu li koppja anzjana se jirnexxielha tgħaddi b’pensjoni minima.

Hu għalhekk li l-PN ippropona mekkaniżmu aktar ġust ta’ kif għandha tiżdied il-pensjoni minima li ma jixħet lill-ebda pensjonant fix-xifer tal-faqar jew fil-faqar. “Sal-lum għadni ma nistax nifhem kif il-pensjoni għadha ma tingħatax sħiħa meta persuna tormol. Lanqas ma nista’ nifhem kif għandna ħafna aktar nisa anzjani b’pensjoni miżera għall-aħħar.

“Iridu nbiddlu l-mentalità li għaliex mara ħadmet fid-dar biex tkun tista’ trabbi l-familja tagħha għandha tiġi penalizzata li ma ħarġitx barra mid-dar biex taħdem jew saħansitra kienet kostretta tieqaf taħdem barra mid-dar, bħallikieku mhux xorta waħda kienet qed taħdem u tikkontribwixxi lejn il-familja. Għadna ’l bogħod ħafna fl-ugwaljanza f’dan ir-rigward u għandna obbligu li naraw li dawn l- anzjani nisa noħorġuhom minn dawn is-sitwazzjonijiet prekarji.”

Paula Mifsud Bonnici temmet li: “jibqa’ d-dmir tagħna li nwasslu dawn il-preokuppazzjonijiet biex jittieħdu l-miżuri neċessarji qabel ma jkun tard wisq. “Quddiem ir-realtajiet li qed jaffaċċjaw l-anzjani, partikolarment minħabba l-għoli tal-ħajja, il-PN għandu jibqa’ jisħaq għall-azzjoni u wkoll għas-soluzzjoni. Ma jistax ikun li l-anzjani tagħna jiġu diskriminati bħala ċittadina tat-tieni klassi.

“Il-ġid li jiġi ġġenerat bl-ekonomija għandu jinqasam biex ma jkomplix jikber id-distakk bejn dawn li qed jgħixu ħajja komda u dawk li lanqas jistgħu jgħixu ħajja diċenti.”

Tags