Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Ir-Russja taħseb biex iżżid l-azzjonijiet militari — b’Zelensky u Kiev ikomplu jisfidaw lill-Kremlin

It-Tmexxija tal-Ukrajna rappurtat li t-truppi tar-Russja, bil-mod il-mod, qed iżidu l-intensità tal-offensiva fl-artijiet Ukreni tal-Lvant, Dan fost sinjali li Moska qed tħejji għal attakki ‘ferm aktar feroċi’ fuq il-qawwiet Russi li qed jiddefendu l-pożizzjonijiet tagħhom fir-reġjun tad-Donbas.

Sorsi viċin il-Ministeru Ukren għad-Difiża tkellmu dwar is-sinjali li l-aggressuri Russi qed jirrankaw il-livell tal-azzjonijiet militari huma u jżidu l-preżenza tat-truppi fil-Lvant tal-Ukrajna.

Il-Gvern Ukren, għaldaqstant, mgħandux dubju li l-President Russu Vladimir Putin qed ikompli b’fażi ġdida tal-offensiva biex jirrealizza l-ambizzjonijiet tiegħu għall-ħtif tal-massimu tal-art (Ukrena) possibbli.

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, ukoll qal li r-Russja qed torganizza lill-qawwiet ‘addizzjonali’ fl-artijiet Ukreni tal-Lvant – iżda l-isfida minn Kiev ma naqsitx, b’Zelensky iwissi lis-suldati Russi li ‘ikun aħjar għalihom kieku jitilqu lura lejn pajjiżhom u jsalvaw milli jissagrifikaw ħajjithom fl-Ukrajna’.

Dan meta kollox jindika li r-Russja qed tagħmel l-almu biex iżżid il-pressjoni( minn lat militari) fuq id-Donbas – b’Zelensky jisħaq li l-kmandanti Russi qegħdin jippreparaw ‘għal aktar telf kbir ta’ suldati’.

Is-sinjali huma li r-Russi tilfu ammont allarmanti ta’ truppi waqt l-azzjonijiet ta’ Marzu u April fl-Ukrajna u meta r-rekluti ġodda minn Moska ftit jidhru li għandhom motivazzjoni jew esperjenza ta’ ġlied.

Zelensky, issa, qed iwassal il-messaġġ li ‘kull suldat Russu jista’ isalva ħajtu’  wara li hu, fl-aħħar sigħat, kellu laqgħa, fi Kiev, ma’ Nancy Pelosi, is-Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti, li mexxiet delegazzjoni lejn l-Ukrajna bil-ħsieb speċifiku li tiltaqa’ mal-Mexxej Ukren.

Pelosi, intant, wiegħdet li l-Istati Uniti għandha tappoġġja lill-Ukrajna – bil-mezzi materjali u militari – ‘sakemm il-gwerra tasal f’konklużjoni’. Dan ukoll fost rapporti li l-Kungress Amerikan se jistinka biex, mill-aktar fis, japprova l-ekwivalenti ta’ 33 biljun dollaru f’għajnuna lill-Ukrajna.