Il-Kap tat-Taqsima kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi għall-Qerda tal-Massa li tifforma parti mill-Ministeru Russu għall-Affarijiet Barranin qal li l-pajjiżi jeħtieġu jaħsbu biex ma tinqala’ qatt gwerra nukleari.
Dan meta Vladimir Yermakov, waqt kummenti lill-aġenzija tal-aħbarijiet Tass, qal li r-Russja qed tirrispetta l-ftehim preċedenti mal-potenzi nukleari l-oħra biex ma jseħħ qatt dan il-pass devastanti għad-dinja kollha.
Yermakov żied li s-sogru ta’ gwerra ‘terminali’ għandu jkun minimizzat bl-isforzi li jevitaw kull konflitt armat bejn il-potenzi nukleari. Hu, hawnhekk irrefera għall-ftehim, f’Jannar, bejn l-Istati Uniti, ir-Russja, iċ-Ċina, Franza u r-Renju Unit ‘biex il-potenzi kollha jevitaw gwerra fuq dan il-livell’.
Madankollu, l-uffiċjal Russu sostna li l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u Franza ‘qed jaġixxu bħala ‘troika nukleari’ huma u jsegwu ambizzjonijiet speċifiċi’. Yermakov anki akkuża lin-NATO ‘b’li qed tippreżenta lilha nnfisha bħala alleanza (ta’ pajjiżi) nukleari’ u li ‘dawn l-atteġġjamenti qed jissugraw l-agħar konsegwenzi immaġinabbli’.
Ftit tal-jiem ilu, il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, kien wissa lill-Punent biex ma ‘jittraskurax’ is-sogru ta’ konflitt nukleari. Madankollu l-Istati Uniti ma temminx li r-Russja se tasal tassew biex tuża l-armi nukleari fuq pajjiż ieħor.
//= $special ?>