Il-Gvern tal-Ukrajna u l-osservaturi barranin, fl-aħħar sigħat, kienu qed jittamaw fi żblokk importanti għas-sitwazzjoni umana traġika li żviluppat fil-belt Ukrena ta’ Mariupol. Dan meta kelliema għall-kunsill tal-belt qalu li ‘sar possibbli’ biex tkompli l-evakwazzjoni ta’ ċivili minn dik iz-zona li ġarrbet l-agħar effetti mill-invażjoni tal-qawwiet tal-Kremlin.
It-tamiet huma li jinħelsu ‘il fuq minn 1,000 persuna mill-kumpless industrijali ta’ Azovstal fejn – minbarra ċ-ċivili – għad fadal il-morini u truppi Ukreni oħra li baqgħu jirreżistu lill-Armata Russa. Dan ukoll meta l-belt ta’ Mariupol tinsab kawżi kollha okkupata mit-truppi ta’ Vladimir Putin.
Sadanittant, ħadd ma jaf l-ammont eżatt tan-nies li jistgħu jkunu evakwati minn Mariupol, bl-osservaturi jfissru n-negozjati bejn l-Ukreni u r-Russi bħala ‘delikati u kumplikati’.
Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qal li l-Ukrajna qed tagħmel minn kollox possibbli biex taċċerta li jsalvaw il-mijiet taċ-ċivili ‘flimkien mal-ġellieda’ li spiċċaw magħluqin fil-kumpless industrijali. Hu spjega li l-Ukrajna qed taħdem ‘mas-sieħba’ għal żieda ta’ sanzjonjiiet fuq ir-Russja hi u tistenna ‘deċiżjoni dalwaqt’ dwar restrizzjonijiet għax-xiri taż-żejt mir-Russja min-naħa tal-Punent.
Ir-Russja qalet li ftit għexieren ta’ ċivili, dalgħodu, kienu evakwati mill-madwar tal-kumpless ta’ Azovstal – iżda l-Ukreni sostnew li kienu għadhom f’periklu numru sinifikanti ta’ familji, fosthom it-tfal.
Fl-istess ħin, l-Ukreni qalu li r-Russja kienet qed tkompli bl-attakki mill-ajru fuq Mariupol, bl-Armata tal-Kremlin anki qed tikkonċentra fuq azzjonijiet maħsubha biex iżommu lura lit-taqsimiet militari tal-Ukrajna minn dik iz-zona.
//= $special ?>