Bin-nomina biex inkompli nservi bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, irrid nara li nkomplu ningħaqdu u nissaħħu. Hu għalhekk li hu importanti li ningħata vot qawwi ta’ appoġġ mill-Kunsillieri tal-Kunsill Ġenerali.
Hekk iddikjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista fuq NET Television l-għada li għalaq il-perjodu li matulu kien l-uniku li esprima interess f’din il-kariga.
Bernard Grech qal li, kif wiegħed qabel ma laħaq Kap tal-Partit, se jara li l-Partit ikompli jirriġenera ruħu u jsir aktar miftuħ għall-ideat biex isir Oppożizzjoni aktar b’saħħitha u alternattiva tassew.
Hu tenna li t-triq ‘il quddiem għall-Partit Nazzjonalista hi li jinqata’ mill-ktajjen li xekkluh fil-passat. Għax filwaqt li jifhem li hemm min jista’ jkun xettiku mit-tmexxija tiegħu, hu ottimist li l-Kunsillieri tal-Kunsill Ġenerali qed jifhmu l-messaġġ importanti li f’dan il-mument diffiċli għall-Partit, għandha tirrenja l-għaqda.
Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din il-ġurnata m’għandhiex tkun biss simbolika, iżda apprezzament. Għax ladarba kull ħaddiem jagħmel minn kollox biex jaqla’ x’jiekol hu u l-familja, dan għandu d-dritt igawdi l-ħajja u lill-għeżież tiegħu.
Bernard Grech kompla li mhux aċċettabbli li għad hawn ħaddiema mgħaddsa fil-prekarjat, fosthom dawk li għandhom impjieg jiġġedded kull ftit xhur u allura ma jkunux jistgħu mqar jippjanaw ħajjithom.
U fl-istess jum li qed jitfakkar it-18-il anniversarju mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, Bernard Grech kif kellha tkun il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista li wasslet biex pajjiżna għolla l-istandards.
Hu qal li kull Malti u Għawdxi għandu jara li jgawdi l-aħjar benefiċċji possibbli mis-suq miftuħ u kbir li toffri l-Unjoni Ewropea għax hu hekk biss li nkomplu naqtgħu l-frott ta’ dn is-sħubija.
//= $special ?>