Lokali Qorti

Jitwaqqaf l-ajruport u jitressaq il-Qorti mixli li kellu 130 kapsula kokaina fl-istonku tiegħu

Raġel ta’ 35 sena ġie arrestat fl-ajruport wara li nstab li kien qed iġorr madwar kilo kokaina, li allegatament bela’ u li nstabu fl-istonku tiegħu. Huwa tressaq il-Qorti akkużat bl-importazzjoni, pussess bl-intenzjoni ta’ traffikar ta’ droga wara li nstab iġorr 130 kapsula ta’ kokaina suspettata fl-ajruport.

Funsen Osvaldo Pinas, imwieled fl-eks kolonja Olandiża tas-Surinam, twaqqaf fl-ajruport fit-30 ta’ April wara li wasal fuq titjira minn Brussell. Saritlu spezzjoni doganali wara li deher jaġixxi b’mod suspettuż. L-ebda oġġetti illeċiti ma ġew irkuprati fuqu wara li saret strip search.

Wara li ġie mitkellem mill-uffiċjali tad-dwana u l-pulizija, ir-raġel ammetta li kien qed iġorr xi ħaġa fl-istonku tiegħu. Ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest peress li l-akkużat m’għandux indirizz fiss f’Malta. L-Ispettur Mark A. Mercieca tħarreġ. L-avukati Franco Debono u Francesca Zarb kienu avukati difensuri.