“L-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tkun impenjata biex sa mill-ewwel ġurnata tal-Parlament il-ġdid – li se jkun l-14-il leġiżlatura minn wara l-kisba tal-Indipendenza – tassigura li kontra dak li sar fl-aħħar leġiżlatura, il-Gvern bis-serjetà u bil-fatti jirrispetta l-mod kif il-Parlament Malti jaħdem u jiffunzjoni u jkun tassew il-post denju fejn id-demokrazija titħaddem kif mistenni u mixtieq.”
Robert Cutajar, il-Whip u s-Segretarju tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista u li jokkupa wkoll ir-rwol tal-Kelliem għall-Intrapriżi ż-Żgħar, is-Self Employed u l-Koperattivi, f’intervista estensiva ma’ Il-Mument enfasizza l-importanza li, għall-Oppiżżjoni, il-Parlament għandu jkun il-post fejn kull Deputat, inkluż il-Ministri, għandu jsegwi l-obbligi tiegħu lejn il-poplu Malti u Għawdxi.
Fost l-oħrajn wieħed jista’ jsemmi kif l-Abbozzi ta’ Liġijiet li kienet ressqet l-Oppożizzjoni fl-aħħar leġiżlatura u li l-Gvern Laburista kien ivvota kontra tagħhom, issa wieħed jistenna li l-Gvern jifhem l-importanza tagħhom u fl-interess tal-governanza t-tajba għandu jdaħħalhom fis-seħħ b’mod immeddjat.
Robert Cutajar qal li meta hu jkun qed jgħid li kull Deputat u l-Ministri tal-Gvern għandhom l-obbligu li jirrispettaw lill-poplu, ikun qed ifisser ukoll, pereżempju, li fil-ħin tal-Mistoqsijiet Parlamentari, il-Ministri kollha jkunu preżenti fil-Kamra u dan b’obbligu u dan biex ikunu jistgħu jwieġbu l-Mistoqsijiet Parlamentari li jsirulhom.
Robert Cutajar fakkar kif fl-aħħar leġiżlatura u b’mod ripetut u sistematiku, il-Ministri tal-Gvern kienu jonqsu milli jkunu fil-Kamra biex iwieġbu l-Mistoqsijiet Parlamentari li l-Oppożizzjoni tkun qiegħda tressaq.
Minn barra dan, l-Oppożizzjoni se tkun qed tistenna li minbarra li l-istess Ministri tal-Gvern ikunu preżenti fil-Kamra, iwieġbu wkoll fil-ħin il-Mistoqsijiet Parlamentari mressqa lilhom.
L-Oppożizzjoni se tkun qed tassigura wkoll li jkunu rispettati l-ispirtu tar-Regolamenti tal-Kamra u li fl-ebda ħin ma jkun hemm min jabbuża mill-istess Regolamenti jew mill-Mozzjonijiet ta’ Proċedura biex jaħrab mir-responsabbiltajiet tiegħu. Dan jgħodd ukoll għall-mod kif il-Membri tal-Gvern huma obbligati li jaħdmu bl-istess mod fil-Kumitati fi ħdan il-Parlament.
Għall-Oppożizzjoni mhux se jkun aċċettabbli li suġġetti ta’ importanza nazzjonali jonqsu milli jkunu fuq l-Aġenda tal-Kumitati tal-Kamra, bħalma hu l-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji.
Mistoqsi dwar kif se jkunu qed jaħdmu l-Kumitati tal-Kamra, Robert Cutajar qal li se jkun qed jittama li dawn il-Kumitati jkunu jiffunzjonaw bil-mod u l-iskop li dawn twaqqfu għalihom. L-atteġġjament tal-Gvern f’numru ta’ Kumitati kif kien fl-aħħar leġiżlatura mhux se jkun aċċettabbli f’din il-leġiżlatura.
Kif inhi l-prassi fl-ewwel seduta uffiċjali Parlamentari tat-Tnejn, 9 ta’ Mejju li ġej, l-Oppożizzjoni se tkun qed tressaq l-ismijiet tad-Deputati li se jkunu qed jiffurmaw il-Kumitati Parlamentari u d-delegazzjonijiet Parlamentari. Dawn se jkunu mgħoddija b’Mozzjoni apposta fl-ewwel seduti ta’ din il-leġiżlatura.
L-Oppożizzjoni, kif għamlet dejjem, se tkun qed tagħmel impenn massimu f’dawn il-Kumitati Parlamentari.
Robert Cutajar qal li jekk tassew il-Prim Ministru u l-Gvern immexxi minnu jridu li bis-serjetà jibagħtu messaġġ li lesti li jaħdmu mal-Oppożizzjoni fl-interess nazzjonali, allura l-Prim Ministru u l-Gvern immexxi minnu jridu jaċċettaw il-proposta mressqa mill-Oppożizzjoni li kif jiġri fil-Parlament Ingliż, l-istess Parlament li fuqu huma mibnija r-Regolamenti tal-Parlament Malti – il-House of Commons – allura l-Prim Ministru jaċċetta li darba fil-ġimgħa jkun dispost li jwieġeb Mistoqsijiet Parlamentari indirizzati direttament lilu.
L-Oppożizzjoni se tkun ukoll qed titlob li dak li sa issa f’dawn l-aħħar snin kien li hi jkollha ġurnata waħda biss bejn tlieta u sitt xhur – dik tal-Ħamis – iddedikati għaliha, dan iż-żmien jonqos biex hekk l-Oppożizzjoni jkollha d-dritt li fuq l-Aġenda Parlamentari u b’mod aktar frekwenti tressaq il-Mozzjonijiet jew l-Abbozzi ta’ Liġijiet li tkun qed tressaq hi.
Robert Cutajar fisser li dawn huma biss tnejn mill-proposti li qed tressaq l-Oppożizzjoni lill-Gvern biex bil-fatti il-Gvern ta’ Robert Abela jibgħat messaġġ li mill-kliem se jgħaddi għall-fatti. Jekk il-Prim Ministru mhux se jkun qed jilqa’ dawn il-proposti tal-Oppożizzjoni, allura dak id-diskors tal-Prim Ministru fil-jum tat-teħid tal-ġurament, allura ma jistax jittieħed bis-serjetà.
Hu qal li għall-Oppożizzjoni hu diġà inkwetanti li l-Parlament Malti se jkun qed jitlaqqa’ 42 ġurnata wara l-Elezzjoni Ġenerali meta qed ngħixu fi żminijiet tassew ta’ sfidi. Wieħed jista’ jsemmi bħala eżempji dak li qed jiġri fl-Ukrajna bl-invażjoni Russa, il-kwistjoni serjissima tal-għoli tal- ħajja u l-inflazzjoni, u l-kwistjoni tant delikata ta’ kif pajjiżna għadu mwaħħal mal-Lista l-Griża li qed ikollha effetti negattivi fuq pajjiżna.
Wieħed kien jistenna li l-Gvern ma jistenniex 42 ġurnata minn wara l-Elezzjoni Ġenerali tas-26 ta’ Marzu biex ilaqqa’ l-Parlament u wieħed jispera li n-nuqqas ta’ interess li wera l-Gvern milli jibda jlaqqa’ din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż ma tkunx qed tirrifletti f’xi nuqqas ta’ interess li bih se jkun qed imexxi din il-leġiżlatura li għandu quddiemu l-poplu Malti u Għawdxi.
Robert Cutajar semma’ wkoll in-nuqqas ta’ rispett li ntwera mill-Gvern meta ddeċieda bla ebda konsultazzjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-ħatra tan-nominazzjoni ta’ Anġlu Farrugia bħala l-President tal-Kamra. Wieħed kien jistenna li tal-inqas il-Gvern jekk verament f’dak li qal li jri jaħdem mal-Oppożizzjoni, allura tal-inqas kien jiddiskuti mal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar ħatra daqstant importanti.
Ta’ min josserva wkoll li sa issa l-Prim Ministru għadu fl-ebda mod ma ltaqa’ b’mod uffiċjali mal-Kap tal-Oppożizzjoni anki biex ikunu diskussi żewġ pożizzjonijiet mill-aktar importanti għall-fini tad-demokrazija f’pajjiżna. Dawn huma pożizzjonijiet li jikkonċernaw lill-istess Parlament Malti…jiġifieri l-kwistjonijiet dwar l-Ombudsman u dik dwar il-Kummissarju tal-Istandards.
Dawn huma pożizzjonijiet li dwarhom irid ikun hemm qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni u sa issa mill-elezzjoni lil hawn ma kien hemm l-ebda laqgħa bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar x’se jkun qed jiġri.
L-Oppożizzjoni kienet tistenna lill-Gvern li fil-ġimgħat li għaddew isib il-ħin biex flimkien jiddiskutu dawn it-temi attwali u li huma ta’importanza nazzjonali.
Mistoqsi dwar l-Ispeaker Anġlu Farrugia, Robert Cutajar fisser li nhar it-Tlieta li ġej il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista se jkun qed jiddiskuti n-nominazzjoni ta’ Anġlu Farrugia bħala l-President tal-Kamra f’din l-14-il leġiżlatura.
Hawnhekk Robert Cutajar irrifera għall-kollegi tiegħu fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista u qal li għalkemm il-Parlament se jkun qed jiftaħ il-bibien tiegħu fil-jiem li ġejjin, il-Grupp Parlamentari, taħt it-tmexxija tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, se jkun tlaqqa’ diġà tliet darbiet. Dan juri biċ-ċar li t-taħlita li hemm fil-Grupp Parlamentari bejn id-Deputati ta’ esperjenza u l-oħrajn ġodda fiha hemm impenn qawwi biex kull Deputat jaqdi l-obbligi u l-funzjonijiet tiegħu bħala r-rappreżentanti tal-poplu kemm fil-Parlament u anki barra l-Parlament.
Dan jawgura tajjeb li minkejja d-differenza fin-numru li teżisti bejn ir-rappreżentanti tal-Gvern u dawk tal-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista jinsab determinat li minkejja li qed jaħdem mill-Oppożizzjoni xorta jagħmel differenza f’din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż fl-interess tal-ġid komuni.
“Tajjeb li jingħad li fost il-ħidma li diġà saret fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, kien hemm dik li bħala Whip mexxejt sessjoni ta’ orjentazzjoni mal-binja tal-Parlament għall-Membri ġodda eletti. Stajt ninnota ħafna entużjażmu waqt li kienet qed tkun spjegata lilhom il-proċedura Parlamentari li titħaddem f’din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Huma ltaqgħu wkoll mal-Iskrivan tal-Kamra kif ukoll mal-istaff u l-membri tal-Korp tal-Pulizija li jservu fil-Parlament.”
Robert Cutajar irrimarka wkoll l-effiċjenza u l-impenn tal-ħaddiema tal-Parlament li se jkunu qed jgħinu mhux ftit lid-Deputati l-ġodda miż-żewġ naħat tal-Kamra biex mill-aktar fis jidraw il-mod ta’ kif jaħdem il-Parlament. X’aktarx li din hi l-aktar darba fejn se jkun hemm uċuħ ġodda qed jibdew il-leġiżlatura flimkien u għalhekk dawn għandhom bżonn tal-għajnuna tal-istess ħaddiema effiċjenti tal-Parlament li ħaqqhom kull ringrazzjament u tifħir għall-impenn tagħhom.”
Mistoqsi dwar iċ-ċerimonja tal-ftuħ ta’ din il-leġiżlatura, li se tkun qed issir nhar is-Sibt li ġej, Robert Cutajar qal li kollox hu mħejji biex nhar is-Sibt, 7 ta’ Mejju 2022, jitla’ s-siparju fuq l-14-il Parlament minn wara l-kisba tal-Indipendenza.
Hu qal li fil-jiem li għaddew kellu laqgħa informali ma’ Andy Ellul, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista, fejn flimkien mal-Iskrivan tal-Kamra Ray Scicluna kienu diskussi diversi temi relatati maċ- ċerimonja tal-ftuħ tal-Parlament u l-ewwel ġimgħa ħidma li se tkun qed issir.
Dwar iċ-ċerimonja hu spjega li din iċ-ċerimonja – li qed tissejjaħ il-ftuħ statali tal-erbatax-il Parlament – se tkun qed tibda b’quddiesa msejħa tal-Ispirtu s-Santu fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, u li se tkun immexxija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna.
Wara l-Membri Parlamentari se jimxuha għall-bini tal-Parlament fejn jiltaqgħu għall-ewwel seduta u fejn isiru l-elezzjonijiet tal-Ispeaker u d-Deputat Speaker. Wara kull Membru Parlamentari jingħata l-ġurament ta’ lealtà. Imbagħad il-President ta’ Malta George Vella jindirizza lill-Kamra u jagħmel dak li hu magħruf bħala d-Diskors tal-President fil-ftuħ ta’ leġiżlatura ġdida.
Wara l-Kamra tkun aġġornata għat-Tnejn, 9 ta’ Mejju 2022 fl-4pm. Mistoqsi dwar l-Aġenda għall-ewwel jiem ta’ ħidma, Robert Cutajar qal li fl-ewwel tliet seduti se jkun diskuss id-Diskors tal-President ta’ Malta George Vella li ser jagħmel fis-seduta tal-ftuħ. Fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jkun qed iressaq l-ewwel Abbozzi ta’ Liġijiet għal din il-leġiżlatura ġdida.
Robert Cutajar temm jawgura li filwaqt li l-Oppożizzjoni se tkun determinata biex fil-Parlament taħdem fl-interess veru tal-poplu Malti u Għawdxi, tittama li l-Gvern jirrispondi bl-istess mod pożittiv biex iż-żewġ naħat tal-Kamra jingħataw ir-rispett xieraq mill-poplu – xi ħaġa li fl-aħħar snin wieħed ra tonqos minħabba l-attitudni skorretta tal-Gvern u li wasslet biex il-Parlament jilef ħafna mir-rispett li jixraqlu.
//= $special ?>