“Fuq perjodu ta’ numru ta’ xhur membri tal-familja tiegħi kienu jirċievu messaġġi qarrieqa dwari. Li flok kont immur għax-xogħol kont qed naqlibha lir-raġel. Li kont qed niffrekwenta ċerti postijiet.“ Min kien qed jibgħat dawn il-messaġġi kollhom gideb irnexxielu jdaħħal fellus f’moħħ ir-raġel tiegħi. Din il-persuna – għaliex ma nafx jekk hux raġel jew mara – ma kenitx kuntenta b’daqshekk. Bdiet tibgħat messaġġi wkoll lit-tfal li llum huma kbar. Fi ftit taż-żmien irnexxielha tkisser is-serenità tal-familja tiegħi.
“Fittixt l-għajnuna u sibtha… iżda r-raġel xi drabi jgħidli li l-qasba ma ċċaqċaqx ta’ xejn! U dan hu stallett kbir għalija. Għaliex allura d-dubji għadhom f’moħħu. “Jekk ikolli nqabbel il-familja tiegħi llum ma kif kienet sa ftit tax-xhur ilu, allura jkolli nammetti li l-familja tiegħi tkissret. Anki t-tfal xi drabi jiddubitaw fija b’ċerti kummenti jew mistoqsijiet retoriċi li jagħmluli… bħal “illum żgur li sejra għax-xogħol ma?”… Tħarbatna.”
Din hi l-esperjenza ta’ mara li tkellmet ma’ Il-Mument dwar dak li għaddiet minnu fl-aħħar xhur hekk kif spiċċat vittma ta’ użu ħażin tal-midja soċjali. Persuna li tuża l-internet biex tibgħat ċerti messaġġi mhux veritieri sempliċiment li wasslu biex din il-familja llum għaddejja minn baħar imqalleb.
Kompliet tgħidilna din il-vittma, li minħabba dan kollu spiċċat biex tinsab fit-tarf li titlef ix-xogħol tagħha. “Għaliex moħħok ma jibqax jiffunzjona sew. L-inkwiet fid-dar kiber meta qatt ma kien ikollna problemi jew tilwim. Inċertezzi kontinwi u dejjem beżgħana minn xi aktar messaġġi li naf li huma għalkollox qarrieqa. Iżda qarrieqa kemm huma qarrieqa rnexxielhom idaħħlu d-dubji f’moħħ ir-raġel u fl-imħuħ tat-tfal. U dan nikkonfermah għaliex ank jekk inkun ħierġa… ċertu ħars jidħolli f’qalbi qisu stallett.”
Din il-mara appellat biex isir użu responsabbli mill-midja soċjali għaliex l-użu ħażin ikisser lin-nies u jkisser lill-familji.
Dwar dan kollu tkellimt fit-tul ma’ Fr. Hilary Tagliaferro li m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni għaliex hu isem u wiċċ familjari wara diversi inizjattivi sani, inkluż dik reċenti tiegħu biex ikabbar l-għarfien dwar l-importanza ta’ użu pożittiv u tajjeb tal-għodda kollha li taqa’ taħt il-kappa tal-midja soċjali.
Hu beda biex qalli li fil-veru sens tal-kelma għajja jiltaqa’ ma’ nies imkissra għaliex xi ħadd kissirhom permezz ta’ użu ħażin tal-midja soċjali. “Spiss ħafna niltaqa’ ma’ nies jibku u mkissrin għaliex ikunu rċevew xi messaġġ li jkun weġġagħlhom qalbhom. Dawn ikunu nies li ħafna drabi jkunu innoċenti u li qatt ma jkunu għamlu xejn.
“L-użu tal-midja soċjali għandu jkun pożittiv u biex ngħinu lil xulxin. Imma l-agħar meta dawn ma jkunu għamlu xejn u jkunu innoċenti.”
Hu qal li jinsab determinat li mhux hu biss jagħmel użu tajjeb mill-għodda tal-midja soċjali, imma wkoll li jxerred dan il-messaġġ attwali fost kulħadd biex kulħadd joqgħod attent xi kliem juża u kif jikkomunika bil-mezzi tal-midja soċjali.
“Kieku kulħadd jagħmel din ir-riflessjoni u din il-wiegħda, allura nnaqqsu ħafna tkissir ta’ nies u tkissir ta’ familji minħabba familji li jkunu jweġġgħu. Nies tal-affari tagħhom. Imma sfortunatament hawn min jirrikorri għall-mezzi tal-midja soċjali biex ikisser lil dak jew lil dik.”
“Nista’ nsemmilek eżempji kemm trid. Nies li ġew jitkellmu miegħi u jiftħu qalbhom u jirrakkontawlek esperjenzi tal-biża’ ta’ messaġġi dwarhom li ma jkunu veritieri xejn.“Pereżempju messaġġi lil nisa li r-raġel tagħhom qed imur ma’ xi ħadd ieħor; ir-raġel tiegħek hu korrott u għandu xi każ quddiem il-Pulizija u qed ikun indagat… Dawn huma biss messaġġi li joħolqu gwaj fil-familji.”
Fr. Hilary Tagliaferro kompla li hemm modi kif wieħed jiddjaloga u jitkellem bl-edukazzjoni u jiddiskuti kwistjonijiet li jista’ jkun hemm. “Imma għaliex inweġġgħu lil xulxin. Ċertu kliem li jintuża fuq il-midja soċjali hu intenzjonat biss biex iweġġa’. Min juża dan it-tip ta’ kliem u dawn it-tip ta’ messaġġi għandu għalfejn jistħi.”
Hu żied li ħadd m’għandu l-ebda dritt li jitfa’ t-tajn u jaħbi jdejh. Kull min jikteb xi ħaġa għandu jkollu d-deċenza li juri min hu u li jassumi r-responsabbiltajiet ta’ dak li qed jikteb. Min jitfa’ t-tajn u jaħbi jdejh hu biss ġwejjef li iżda joħloq il-problemi lil ħaddieħor. Id-djalogu hu tant sabiħ u tajjeb.
Għandna ninkoraġġixxu li wieħed jitkellem u juri li ma jaqbilx… imma dejjem fil-limiti tal-prudenza u bl-edukazzjoni… m’hemmx għalfejn li wieħed jitbaxxa u jweġġa’ lil ħaddieħor.”
Hu enfasizza li dawn it-tip ta’ messaġġi jħallu ħafna feriti. “Il-midja soċjali hi għodda sabiħa għaliex tgħinna biex inkabbru l-komunikazzjoni bejnietna, inkunu pożittivi, ngħinu lil min ikun f’diffikultà u lill-morda… iżda mbagħad ikun hemm min juża din l-għodda b’mod abbużiv.
“Dawn huma d-dnubiet tal-lum u l-kuxjenza għandha tniggiżna meta nweġġgħu lin-nies, aktar u aktar għal xejn b’xejn. B’messaġġi anonimi. Fiż-żmien kien hemm l-ittri anonimi. Illum persuni godardi jużaw mezzi tal-komunikazzjoni soċjali biex ikissru u jxerrdu l-ħsara.
“Jiġini f’moħħi bħalissa każ ta’ persuna li jgħix barra minn Malta li xerred ħafna ħsara u għamel ħafna danni lil ċerti nies, iżda hu diffiċli li xi ħadd jipproċedi fil-konfront tiegħu għaliex din il-persuna qed tgħix lil hinn minn xtutna. Iżda minn fejn hi tibgħat il-messaġġi kattivi li bihom tweġġa’ lil ċerti persuni li jgħixu f’pajjiżna. Ħasra li f’każijiet bħal dawn mhux faċli li titwettaq ġustizzja.
Fr. Hilary Tagliaferro, filwaqt li qal li kull persuna għandha tuża l-mezzi soċjali b’responsabbiltà, ħeġġeġ biex anki l-Istat, permezz tad-dipartiment kontra l-abbużi bil-midja soċjali tal-Pulizija, ikun viġilanti fil-konfront ta’ min juża l-mezzi soċjali b’mod qarrieq.
Hu kompla li hu fid-dawl ta’ dan ix-xenarju kollu li ħass li kellu joħroġ bl-inizjattiva favur l-użu san tal-għodda tal-midja soċjali.
“Inħoss li rridu nirringrazzjaw lil Alla li tana l-facebook u mezzi oħra ta’ komunikazzjoni li permezz tagħhom faċilment nikkomunikaw ma’ xulxin u nistgħu nissapportjaw lil xulxin. Ħasra li mhux kulħadd jużahom tajjeb imma jkun hawn min jgħajjar, jigdeb u jweġġa’ lil oħrajn permezz tagħhom.
“Jien irrid nibda din il-kampanja permezz ta’ din il-wegħda: “Inwiegħed u norbot lili nnifsi li ma nużax il-facebook jew mezzi oħra ta’ komunikazzjoni soċjali biex noffendi jew inweġġa’ lil ħaddieħor imma minflok inwiegħed li nużahom biex naqdi lil ħaddieħor u biex inxerred il-paċi u l-imħabba fid- dinja.”
“Jiena naf li għandi ħafna nies li jħobbuni – dawk li naf u oħrajn li ma nafx. Nitlobkom li tagħmlu bħali u tieħdu dan il-ġurament bi pleġġ, li l-mezzi ta’ komunikazzjoni tagħkom ma tużawhomx ħlief biex tagħmlu l-ġid lil ħaddieħor, taqdu u tħobbu lill-oħrajn. Bħala Nsara aħna msejħin biex inkunu ‘d-dawl u l-melħ’ tad-dinja. Jekk taqblu miegħi agħmlu like u share ħalli jkun hawn aktar nies li jużaw tajjeb dan ir-rigal li tana Alla.
“Aktar ma nkunu aktar nagħmlu differenza!” temm Fr. Hilary Tagliaferro.
//= $special ?>