Lokali

Rapporti jindikaw illi ħadu 7 snin sħaħ biex ħarġu l-arrest warrant fil-konfront ta’ Ryan Schembri

Ħafna uffiċjali huma urtati għall-fatt li l-Korp ħela seba’ snin sħaħ qabel inħareġ mandat ta’ arrest internazzjonali fil-konfront ta’ Ryan Schembri. U l-istorja ppubblikata l-Ħadd fis-Sunday Times ġabet magħha reazzjonijiet ta’ rabja minn diversi Pulizija, illi fissru ma’ Net News kif Kummissarju tal-Pulizija – wieħed wara l-ieħor – baqa’ jkaxkar saqajh milli jieħu azzjoni konkreta.

Fil-fatt, it-Times żvelat illi kien biss f’April tas-sena li għaddiet li nħareġ dan l-arrest warrant – minkejja li kulħadd fil-Korp kien konxju tal-gravità ta’ dan il-każ, u dak kollu assoċjat mal-isem ta’ Ryan Schembri, illi kien ilu maħrub minn pajjiżna sa mill-2014.

Kif żvela b’mod esklussiv is-sit NetNews.com.mt Schembri kien arrestat fl-Iskozja ix-xahar li ghadda, f’temp ta’ 12-il xahar minn mindu ħareġ dan il-mandat internazzjonali għall-arrest tiegħu.

Hu ġie estradit lejn Malta fit-22 t’April, bil-kumpilazzjoni fil-konfront tiegħu mistennija tibda fil-11 ta’ Mejju li ġej.

Rapporti fl-aħħar xhur kienu indikaw illi l-avukat Carmel Chircop – illi inqatel fl-2015 f’Birkirkara – kien sellef lil Schembri mat-tliet kwarti ta’ miljun ewro, fiż-żmien meta l-istess Schembri kien wieħed mid-Diretturi tal-More Supermarkets.

Ryan Schembri kien ħarab mill-pajjiż wara li s-supermarkets tiegħu fallew – u miljuni kbar qatt ma ġew irkuprati, inkluż is-€750,000 li kien silifhom Carmel Chircop.

B’rabta mal-assassinju ta’ Chircop, hemm akkużat Adrian Agius – persuna li ġie arrestat wara li ismu inkixef riżultat tal-maħfra li ħa Vince Muscat il-Koħħu.