Kolumbjana transesswali spiċċat aggredita min raġel Malti b’mus għax bilfors riedha tagħtih id-droga li ma kellhiex. Il-mara, li taħdem bħala ‘escort girl’ kienet instabet mill-Pulizija fi triq f’Ħ’Attard titlob għall-għajnuna wara li kienet marret tagħti s-servizzi tagħha lil Elliot Paul Busuttil.
Dan huwa l-istess persuna li jinsab mixli bil-qtil ta’ Mario Farrugia, li l-katavru tiegħu instab f’bagoll ta’ karozza fil-Wied ta’ Ħal Qormi fejn minn testijiet li saru fuqu rriżulta li qala’ aktar minn 40 daqqa ta’ sikkina. Busuttil qed jiġi akkużat ukoll fi proċeduri oħra separati b’attenta ta’ qtil, liema każ seħħ f’Awwissu ta’ sentejn ilu ta daqqiet ta’ sikkina lil raġel Bulgaru ta’ 57 sena, li kien nstab f’Ta’ Qali mimdud mal-art f’għadira demm.
Kien fit-2 ta’ Ġunju tal-2021 li l-Kolumbjana kienet aggredita. Hija qalet lill-Pulizija li kienet kissret flixkun tal-imbid mal-ħajt li kien fir-residenza ta’ Busuttil biex tiddeffendi ruħha,u li kienet intlaqtet mill-mus f’idejha. Qalet ukoll li Busuttil l-ewwel għamlilha il-mus ma’ għonqa.
Hija qalet lill-Pulizija min kien l-aggressur u wriethom filmat ta’ min kien. Skont hi kien ċertu David Busuttil, imma meta raw il-filmat il-Pulizija ndunaw li dan kien Elliot Paul. Il-Kolumbjana marret f’residenza ġewwa Ħ’Attard li hija tal-ġenituri ta’ Elliot Paul Busuttil ta’ 38 sena.
Minn dak li ħareġ fil-Qorti rriżulta li huwa ċempel lil mara għas-servizzi tagħha. Meta hija waslet id-dar tiegħu sabitu li kien taħt l-effett ta’ alkoħol u jista’ jkun taħt l-effett tad-droga. Fil-fatt fil-kamra ta’ Busuttil kien hemm flixkun inbid vojt li x’aktarx kien inxtorob mill-akkużat qabel ma waslet il-Kolumbjana. Minn dak li xehdu l-Pulizija, wara li kellhom x’jaqsmu, Busuttil mhux talli ma ħallashiex iżda ried lil tagħtih id-droga, li ma kellhiex għax ma tabbużax minn xi sustanzi.
Huwa mifhum li huwa talabha d-droga għax jemmen li persuni li jagħtu servizzi sesswali huma relatati mal-vizzju ta’ sustanzi lleċiti u għalhekk ħaseb li fuq il-persuna tagħha kellha xi tip ta’ droga. Busuttil ma emminx il-verżjoni tagħha u sar agressiv u qabad sikkina għaliha. Il-Kolumbjana qabdet il-flixkun tal-inbid vojt, kissritu mal-ħajt biex tiddeffendi ruħha. Dan il-ħin peress li semgħu l-istorbju, il-ġenituri ta’ Elliot Paul marru jaraw x’ġara – u kif rawha, keċċewha l-barra mir-residenza.
Il-Pulizija li xehdu quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke f’dan il-każ qalu li għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu kienu rċevew telefonata fl-Għassa ta’ Birkirkara minn persuna femminili, u li kellmithom bit-Taljan. Madwar ħames Pulizija, nkluż dawk mit-Taqsima tal-RIU marru fil-post u fit-Triq ta’ Santa Katerina, Ħ’Attard fuq ir-roundabout kien hemm il-Kolumbjana. Hija kienet tidher ferm ippanikkkjata, u bdiet tibki.
Il-vittma ttieħdet il-clinic mill-Pulizija u Pulizija oħra marru fir-residenza ta’ fejn inqala’ l-inċident. Madankollu skont xhieda minn naħa tal-Pulizija fil-Qorti ftit qabel raġel ta’ età avvanzata ħareġ minn blokka ta’ appartament fejn kien l-akkużat u mar javviċina l-karozza tal-Pulizija.
Dan kien missier Elliot Paul Busuttil li mar biex iħebb għall-vittma, iżda kienu ntervjenew mill-ewwel il-Pulizija tal-RIU. Xhud mill-RIU stess qal fil-Qorti li meta wasal fuq il-post sema’ l-għajjat u daħal fir-residenza ta’ fejn seħħ l-inċident.
Qal li kien hemm omm u missier l-akkużat li kienu għaddejjin bil-.battibekki mal-Pulizija u minkejja li s-siwazzjoni kienet taħt kontroll Elliot Paul Busuttil beda jirrifjuta li jmur mal-Pulizija.
Iweġġa’ lilu nniffsu
L-akkużat beda jgħid lill-Pulizija li jekk kien se jittieħed fil-lock up jew ċella kien se jweġġa’ lilu nniffsu billi se jiksew il-ġewża ta’ għonqu. Minn naħa tiegħu Elliot Paul qal lill-Pulizijan li l-mara kienet ittradietu għax fl-ebda mument ma kien jaf li hijha transesswali.
Madankollu hija qalet li l-media soċjali li tirriklama magħha għas-servizzi li tagħti hija sit fuq it-transesswali. Il-Pulizija qed tixlih fuq ġrieħi volontarji b’arma li taqta’ u bil-ponta. Il-Pulizija qalet ukoll li Elliot Paul Busuttil kien ħafna aġitat meta kienu qegħdin jarrestawh u li fil-kamra tiegħu ma nstabet l-ebda arma. Madankollu ma’ l-art kien hemm xi ħġieġ.
L-akkużat qal ukoll lill-Pulizija li l-Kolumbjana bdiet toħodlu l-filmati, kellhom xi jgħidu u marret fil-kamra tal-banju bil-flixkun tal-imbid u kif ipprova joħroġha l-barra bdiet ixxejjer l-istess flixkun. L-istess diskors qaluh il-ġenituri tiegħu li stqarru mal-Pulizija li kienu fil-kamra tas-sodda u semgħu l-ħsejjes, u kien hemm li rawha fit-kamra tal-banju ħierġa bil-flixkun f’idejha u keċċewha l-barra.
Dan il-flixkun kien instab mill-Pulizijna f’qasrija ftit barra l-blokka ta’ appartamentifejn seħħ l-inċident. Ħareġ ukoll li l-akkużat ittieħed fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Floriana u dan ġie riferut għall-Isptar Monte Carmeli. Ħareġ ukoll li l-pulizija kollha preżenti rrekordjaw kollox permezz tal-‘body cam’ tagħhom.
L-akkużat fi kwarantina
Il-proċeduri kriminali kontra Busuttil, akkużat bil-qtil vjolenti ta’ Mario Farrugia, li l-katavru tiegħu instab fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni u li nstab f’bagoll ta’ karozza f’Ħal Qormi, kellu jibda nhar il-Ħamis li għadda iżda ġie differit wara li riżulta pożittiv għal Covid-19.
Elliot Paul Busuttil minn Ħ’Attard kellu jidher il-Qorti għall-bidu tal-kumpilazzjoni tal-provi kontrih. Huwa qed jiċħad l-akkużati dwar qtil volontarju, li ġarr arma fil-pubbliku, pussess bla liċenzja ta’ sikkina, li ħeba l-ġisem tal-vittma, li kiser il-kundizzjonijiet tal-pleġġ u li huwa riċediv.
Il-vittma, ta’ 62 sena residenti Pembroke, kien irrappurtat nieqes kmieni f’April, tlett ijiem biss qabel ma nstab il-katavru bla ħajja tiegħu moħbi ġewwa l-Peugeot 407 griża li kien isuq hu stess. Testijiet forensiċi sussegwentement ikkonfermaw li r-raġel kien ingħata aktar minn 40 daqqa ta’ sikkina, b’madwar 10 ġrieħi kkaġunati fil-qalb u fil-pulmun. Marki oħra ta’ sikkina fuq idejn il-vittma dehru li jindikaw feriti fid-difiża, hekk kif il-vittma x’aktarx għamel minn kollox biex jiddeffendi l-aggressjoni.
L-istat severament dekompost tal-katavru għamel l-identifikazzjoni diffiċli, iżda testijiet tad-DNA sussegwentement ikkonfermaw li r-raġel kien Farrugia. Busuttil kien wieħed mill-erba’ suspettati arrestati b’rabta mal-qtil, iżda kien l-uniku akkużat il-ġimgħa li għaddiet. I-bidu tal-kumpilazzjoni dwar il-qtil issa mistennija tibda fis-6 ta’ Mejju.
Fl-2020 Busuttil kien mixli li pprova joqtol raġel u seraqlu flus f’Ta’ Qali. Huwa kien ġie akkużat li ta sikkina raġel Bulgaru ta’ 57 sena, li nstab f’Ta’ Qali mimdud mal-art f’għadira demm.
//= $special ?>