Lokali

Ħadd m’għandu jaħdem żewġ xogħlijiet biex ilaħħaq mal-ħajja

Il-Ħadd – l-ewwel ta’ Mejju ġie ċċelebrat propju Jum il-Ħaddiem; mhux biss f’pajjiżna…iżda f’aktar minn 80 pajjiż ieħor. Dan sabiex tiġi rikonoxxuta il-ħidma ta’ impjegati f’diversi setturi.

F’kummenti li ta lill-ġurnal The Malta Independent, Josef Bugeja Segretarju Ġenerali tal-GWU saħaq li Jum il-Ħaddiem għadu relevanti llum il-ġurnata mhux biss bħala tifkira ta’ kif il-ħaddiema rnexxielhom jiksbu d-drittijiet tagħhom, iżda wkoll bħala ġurnata ta’ riflessjoni biex jaħsbu fejn ikunu sejrin u kif għandhom javvanzaw.

Wieħed irid jistaqsi jekk f’Malta hux qed isir biżżejjed xogħol sabiex ngħinu lill-ħaddiema jgħixu ħajjithom bl-aħjar mod li jistgħu.

Xi ħaġa li hija mportanti li niftakru u li xi kultant ninsew, hi li il-bniedem ma nħoloqx biex jaħdem biss – u l-ħajja m’għandix tiddependi fuq ix-xogħol biss. Iżda dan kollu jiġi fi żmien meta aktar u aktar ħaddiema qed iħossu l-pressjoni taż-żidiet fl-għoli tal-ħajja fl-affarijiet ta’ kuljum.

L-Independent qal li il-Gvern ghandu jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema… billi jibda mill-pagi.

Il-paga minima f’pajjiżna hija dik ta’ €792.30 fix-xahar … ekwivalenti għal €9,500 fis-sena… dan ifisser li individwu li jaħdem dan it-tip ta’ xogħol ikollu jaħdem aktar minn impjieg wieħed jew inkellha jaħdem ‘over time’ sabiex ikun jista’ jlaħħaq mal-ħajja.

L-editorjal jinsisti wkoll illi ħadd m’għandu jaħdem 2 xogħolijiet jew inkellha  bejn 20-30 siegħa overtime fil-ġimgħa sabiex ikun jista’ jlaħħaq mal-affarijiet bażiċi.