L-Ambaxxatur Russu għall-Istati uniti, Anatoly Antonov, ċaħad b’mod kategoriku l-akkuża ta’ John Kirby , kelliem għall-Pentagon ( f’Washington), li l-President tar-Russja, Vladimir Putin, qed jibbaża l-invażjoni tal-Ukrajna fuq ‘politika karatterizzata mill-ħażen’.
Kirby, f’diskors għal tmiem il-ġimgħa, staqsa – filwaqt li deher viżibbilment emozzjonat – kif ‘xi ħadd b’nitfa ta’ moralità jista’, xi darba, jiġġusfitika l-atroċitajiet li r-Russi qed iwettqu fuq il-poplu Ukren’.
Iżda. Antonov fisser l-istqarrija ta’ Kirby bħala waħda offensiva u inaċċettabbli. Fl-istess ħin, hu saħaq li l-uffiċjali tal-Istati Uniti jippreferu li ‘jibbażaw il-ġudizzju tagħhom fuq il-gideb tal-awtoritajiet Ukreni’.
L-Ambaxxatur Russu anki akkuża lill-Istati Uniti b’li ‘ma tridx li tieqaf il-gwerra fl-Ukrajna’ u li Washington għandu l-pjani esklussivi ( relatati mal-konflitt) għall-aħjar interessi tal-Amerikani. Hu sostna li ‘Kirby u sħabu f’Washington għandhom il-ħsieb biex l-industrija tal-armi, fl-Istati Uniti, tirċievi aktar fondi mill-bejgħ tal-armamenti li spiċċa żmienhom u li qegħdin jitbattlu mill-imħażen tal-Amerikani’.
Hu konkluda li Kirby ‘tilef id-dinjità ta’ uffiċjal wara li rrikorra għall-insulti sfaċċati u li ma jagħmlu l-ebda sens fil-konfront tal-President Putin u Moska’.
//= $special ?>

