Il-militar tal-Ukrajna – filwaqt li qed jirreżisti l-avvanzi tal-qawwiet Russi fuq diversi fronti – isuġġerixxa li r-Russja kapaċi tattakka anki lill-Moldova ( eks repubblika Sovjetika) fil-futur qarib.
Is-sorsi sigrieti Ukreni indikaw li l-Kremlin ta’ Moska għandu proprju dan il-ħsieb għaliex kwalunkwe invażjoni tal-Moldova għandha tgħin lir-Russi biex jheddu – u anki jattakkaw – lill-belt tal-port Ukrena ta’ Odessa mill-inħawi tal-Punent.
Il-belt ta’ Odessa hi zona oħra kruċjali fl-Ukrajna li, filwaqt li ntlaqtet diversi drabi mill-missili, ma tidhirx li ( għalissa) spiċċat mira speċifika għall-magna tal-gwerra tal-President Russu Vladimir Putin.
Madankollu ftit hemm dubju li l-ħtif ta’ Odessa mir-Russi għandu jitqies bħala suċċess militari kbir għall-Kremlin. Dan meta fil-preżent hemm diversi vapuri tal-gwerra Russi skjerati fl-ibħra ‘il hinn mill-belt tal-port ta’ importanza strateġika u li kapaċi tispiċċa bħala front ġdid ta’ din il-gwerra.
Għaldaqstant, jista’ ikun aktar faċli għar-Russi li jieħdu l-inħawi ta’ Odessa taħt idejhom f’sitwazzjoni fejn jikkontrollaw anki lill-Moldova. Dan ukoll meta l-Armata tal-Moldava tikkonsisti biss minn ftit eluf ta’ truppi.
Fl-aħħar jiem ukoll kibret sew it-tensjoni f’Transnistria – reġjun tal-Moldova fejn hemm is-separatisti favur ir-Russja – u meta hemmhekk irriżultaw numru ta’ splużjonijiet li l-kaġun tagħhom għadu mhux magħruf.
//= $special ?>