Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: L-ebda ftehim dwar iż-żejt u l-gass mir-Russja

L-Unjoni Ewropea mhix qed jirnexxilha taqbel dwar politika biex twaqqaf l-importazzjoni tal-gass u ż-żejt mir-Russja. Dan meta l-Ungerija opponiet għal kull pass ta’ dan it-tip (inkluż embargo) mill-Ewropa, bil-Gvern ta’ Budapest jagħmilha ċara li mhux se jibdel din il-pożizzjoni.

Il-Ministri tal-Enerġija tal-UE, din il-ġimgħa, għandhom jiddiskutu l-issue b’urġenza, iżda l-Ungerija insistiet li għandha ‘timblokka’ kull konsensus.

Dan minkejja li r-Russja qed iddaħħal il-miljuni tal-ewro kuljum miż-żejt u l-gass li tesporta, b’dawn il-flus qed jintużaw biex jiffinanzjaw il-kampanja militari ta’Vladimir Putin fl-Ukrajna.

Filwaqt li pajjiżi oħra tal-UE  mhumiex daqstant ċerti dwar l-embargo għar-riżorsi tal-enerġija mir-Russja, il-Ministri tal-UE qed jittamaw xorta li jilħqu forma ta’ ‘qbil komuni’ dwar il-pass li jridu jieħdu permezz ta’ taħditiet ta’ emerġenza programmati għal din il-ġimgħa.