Bil-kompożizzjoni tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista f’din il-leġiżlatura l-ġdida, ġew ikkonfermati ukoll il-kelliema tal-Oppożizzjoni fil-Parlament għall-anzjani u l-pensjonanti.
Kien għalhekk li l-Assoċjazzjoni Pensjonanti u Anzjani Nazzjonalisti, l-APAN, imemxxija mill-President, John Mizzi, iltaqgħet mal-Viċi Kap tal-PN David Agius, kif ukoll id-Deputat Nazzjonalista, Paula Mifsud Bonnici, biex jiddiskutu flimkien il-problemi li dawn jaffaċċjaw ta’ kuljum ….. u l-proposti li huma għandhom biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Meta indirizza lil dawk prezenti, David Agius, li huwa l-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-politika soċjali, li tinkludi l-politika dwar il-familja, is-sigurtà soċjali, il-pensjonijiet u s-servizzi ta’ solidarjetà, enfasizza l-importanza li l-politika soċjali f’pajjiżna titwaħħad mal-finanzi u l-ekonomija tal-pajjiż…. sabiex din tissarraf f’għajnuna u sostenn ġust lill-anzjani u l-pensjonati, li taw saħħithom biex sawwar lil pajjiżna kif nafuh illum.
Huwa għalhekk li l-Oppożizzjoni se tkun qed tesiġi r-risposti mingħand il-Gvern għat-tbatijiet u l-isfidi li jaffaċċjaw l-anzjani u l-pensjonanti sabiex dawn jiġu indirizzati mingħajr telf taż-żmien, fosthom dwar il-mod kif 18,000 anzjan ikollhom jgħaddu b’€500 pensjoni f’4 ġimgħat.
David Agius fakkar kif kien il-Partit Nazzjonalista li fil-programm elettorali wiegħed li l-pensjonijiet għandhom jogħlew daqs il-paga minima nazzjonali sabiex il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani tiżdied fi żmien ta’ inflazzjoni kbira fil-prezzijiet tal-bżonnijiet ta’ kuljum u se tkun qed tipproponi dan ma’ għadd ta’ proposti oħra … anke mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni.
Min-naħa tagħha, il-kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Anzjanità Attiva, Paula Mifsud Bonnici, bdiet billi sellmet il-memorja tal-ewwel Segretarju Parlamentari għall-Anzjani, il-Professur John Rizzo Naudi.
Rizzo Naudi jibqa’ imfakkar li kien pijunier fis-servizzi tal-anzjani fil-komunità b’rivoluzzjoni li biha rriġenera r-Residenza San Vinċenz De Paule u anki d-dħul ta’ servizzi kruċjali għall-anzjani bħat-telecare u l-meals on wheels.
Paula Mifsud Bonnici saħħqet li l-PN m’għandux minn xiex jistħi mill-passat tiegħu, minkejja t-telfa elettorali, għaliex kien hu li wera kemm huwa importanti l-qasam tal-anzjani fis-soċjetà bid-dħul ta’ servizzi li jagħtihom mertu xieraq ħalli jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar.
Peress li l-isfidi huma kbar għal din il-faxxa tas-soċjetà, id-deputata Nazzjonalista qalet li l-Oppożizzjoni se tkun viġilanti fuq il-Gvern fl-interess tal-anzjani … u appellat lill-APAN tressaq ’il quddiem il-problemi u l-għawġ tal-anzjani sabiex dawn jilħqu l-aġenda nazzjonali biex jiġu indirizzati, filwaqt li awguratilhom ħidma sfieqa kemm b’risq il-Partit u anke l-pajjiż.
//= $special ?>