Infermier qiegħed intortament jaffaċċja akkużi ta’ negliġenza minħabba li l-Ministru tas-Saħħa naqas milli jinforma lill-Korp tal-Pulizija dwar in-nuqqas kbir ta’ infermiera sabiex dawn ikunu jistgħu joffru servizz kontinwu lill-pazjenti b’kundizzjonijiet psikjattriċi severi b’ordni tat-tabib … bħala parti mill-kura tagħhom.
Din l-istorja xokkanti, it-tieni waħda tax-xorta tagħha, żvelata l-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN, fi stqarrija iebsa kontra d-Deputy Leader tal-Labour, Chris Fearne; stqarrija li fiha akkużat lill-Gvern li għan-nuqqasijiet tat-tmexxija tiegħu, l-infermiera u l-qwiebel qed iħallsu prezz qares, lil hinn mir-responsabbiltajiet tagħhom.
Dan peress li m’hemmx biżżejjed infermiera u qwiebel sabiex joffru dan is-servizz lil aktar minn 130 pazjent għall-kundizzjoni mentali jew medika tagħhom …. għaliex it-tmexxija tal-Isptarijiet Mater Dei u Monte Karmeli mhumiex qed joffru staff addizzjonali fis-swali tal-kura tas-saħħa mentali, għaliex m’hemmx infermiera disponibbli. Dan minkejja li hemm ftehim bil-miktub bejn il-unjin u t-tmexxija tal-isptarijiet li biex jiġi offrut dan is-servizz ta’ ħarsien kontinwu, l-istess tmexxija trid toffri aktar infermiera u carers – ftehim li evidentament mhux qed jiġi onorat mill-Gvern.
Issa, konsegwenza ta’ dan, li l-istess infermiera qed ikollhom jiġu interrogati mill-Pulizija u saħansitra jaffaċċjaw akkużi kriminali fil-Qorti għan-nuqqasijiet tal-Gvern jekk il-pazjenti jiġrilhom xi ħaġa fil-ħin li ma jkunx hemm infermier dispost; akkużi li, kif saħqet l-MUMN, għandhom jiġu ndirzzati mhux lill-infermieri, iżda lill-Ministeru tas-Saħħa jew lill-uffiċċju tas-Segretarju Permanent … għaliex dawn huma nuqqasijiet tagħhom.
L-MUMN qalet illi kellu jkun Chris Fearne li jinforma lill-Kummissarju tal-Pulizija li kwalunkwe konsegwenzi lill-pazjenti li ma jkollhomx ħarsiex kontinwu ta’ infermier mhijiex nuqqas ta’ negliġenza tal-istess infermier … iżda minhabba n-nuqqas tal-istaff, bl-istess Ministru jonqos milli jiddefendi lill-ħaddiema fil-kura tas-saħħa meta dawn qed jagħmlu l-mirakli biex isalvaw il-ħajjiet.
Għalkemm dan il-każ seħħ fl-2017, l-MUMN qalet li l-problema ta’ nuqqas ta’ staff hija bomba tal-ħin li qed tistenna biex tisplodi b’konsegwenzi koroh kemm fuq l-infermieri u anki l-pazjenti; problema li l-Gvern ta’ Robert Abela naqas milli jindirizza sal-ġurnata tal-lum.
//= $special ?>