Raġel li allegatament ta daqqa ta’ xabla lill-eks tfajla tiegħu li kellha tliet xhur tqala, inżamm arrestat. Ir-aġel li huwa mis-Siġġiewi u li għandu 32 sena, qal lill-Qorti li jmexxi snack bar, kien ġie arrestat is-Sibt filgħaxija wara li l-mara rrappurtat kif kienet sofriet it-tielet inċident vjolenti mill-eks tagħha f’daqstant ġimgħat.
Fid-9 ta’ April ir-raġel kien allegatament laqatha f’sieqha bix-xabla. Waqt inċident ieħor, huwa allegatament taha daqqa ta’ ponn f’rasha. Il-mara spjegat li kull episodju vjolenti seħħ wara li l-akkużat kien qatta’ l-ġurnata jixrob. Ir-raġel kien isir aggressiv meta jkun taħt l-influwenza tal-alkoħol, spjegat l-Ispettur Sherona Buhagiar li qed tmexxi l-prosekuzzjoni.
L-aħħar inċident seħħ is-Sibt filgħaxija. Valutazzjoni tas-sitwazzjoni tat riżultat ta’ riskju għoli, li wasslet lill-pulizija biex tikseb mandat ta’ arrest kontra s-suspettat sabiex tipproteġi lill-allegata vittma u lit-tarbija tagħha fil-ġuf. Ir-raġel kien se jitressaq qabel il-qorti li iżda kellha tiġi posposta wara li hu lmenta minn uġigħ f’sidru u ġie trasferit l-isptar għall-kura.
It-Tnejn tard nofsinhar, huwa ġie rilaxxat u skortat dritt il-qorti, ffaċċja akkużi ta’ insulti u theddid, li weġġa’ ħafif lill-eks tfajla tiegħu bix-xabla kif ukoll li naqas milli jobdi ordnijiet leġittimi tal-pulizija. Huwa wieġeb mhux ħati. L-avukati tiegħu, Franco Debono u Francesca Zarb, talbu l-ħelsien mill-arrest, bl-argument li l-koppja ma jgħixux flimkien u li minn dak iż-żmien lanqas baqgħu f’kuntatt ma’ xulxin.
Barra minn hekk, l-akkużi “l-aktar serji” relatati mal-inċident tax-xabla allegatament kienu jmorru lura għal kważi xahar. Mhux biss l-imputat kien preżunt innoċenti iżda sa mill-arrest tiegħu l-pulizija ma kinitx ħadet l-istqarrija tiegħu. Kieku l-ispettur semgħet il-verżjoni tiegħu, setgħet ma tkunx ipproċediet għall-akkużi, sostna Debono.
L-Ispettur Buhagiar oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, primarjament minħabba r-riskju ta’ tbagħbis tal-evidenza. Għalkemm il-koppja ma kinitx tgħix flimkien, l-inċident tax-xabla kien seħħ meta huwa mar quddiem il-bieb tagħha biex jirranġa ir-relazzjoni tagħhom, spjegat il-prosekuzzjoni, li enfasizzat ukoll tħassib għas-sigurtà tal-vittma li hija tqila.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet il-qorti, ippreseduta mill-maġistrat Victor George Axiak, ċaħdet il-ħelsien mill-arrest billi qieset li f’dan l-istadju l-akkużat ma ppreżentax garanzija suffiċjenti li se jirrispetta l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
//= $special ?>