Lokali Parlament

L-Ispeaker jikkunsidra tibdil fil-ħin tal-Parlament

Hekk kif nhar is-Sibt li ġej jerġa’ jiftaħ il-Parlament Malti, l-Ispeaker Anglu Farrugia qed jikkunsidra li jmexxi l-ħinijiet tal-Parlament biex is-seduti jsiru f’ħinijiet differenti – filgħodu jew kmieni waranosinhar.

Meta kien mistieden fil-programm ‘Fil-Kamra’ immexxi minn Albert Gauci Cunningham, Anglu Farrugia qal li jekk din tkun problema, il-Parlament jista’ jnaqqas ġurnata u jibda jiltaqa’ filgħodu u kmieni waranofsinhar, iżda jumejn biss fil-ġimgħa. Minkejja li dan ikun ifisser li l-Parlament jiltaqa’ ġurnata inqas, ix-xogħol jaf ikun iktar produttv għax flok tliet seduti, ikunn hemm erbgħa.

Huwa spjega kif matul l-aħħar leġislatura l-Parlament kien diġà beda jiltaqa’ sagħtejn qabel, iżda l-Ispeaker qal li wasal iż-żmien sabiex dawn il-ħinijiet jerġgħu jkunu diskussi … anke issa li hemm iktar Deputati nisa fil-Parlament.

Anglu Farrugia spjega pass pass x’se jkun qed jiġri nhar is-Sibt li ġej meta d-deputati jieħdu l-ġurament tagħhom.

Il-ġurnata tibda b’quddiesa fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann li mistiedna għaliha, apparti d-Deputati, ikun hemm il-President, il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kif ukoll bosta dinjitatrji barranin.

Wara, l-Iskrivan tal-Kamra Ray Scicluna jaqra l-proklama u jiddkjara l-Parlament miftuħ. Eżatt wara titressaq mozzjoni mill-Kap tal-Kamra Chris Fearne biex jinħatar l-Ispeaker.

Hawn issir in-nomina ta’ Anglu Farrugia u jittieħed l-ewwel vot tal-Kamra. Wara, isir l-istess proċess għad-Deputat Speaker David Agius. Wara, l-Ispeaker jissospendi l-Kamra u jsir diskors mill-President tar-Repubblika George Vella… diskors li jirrifletti l-viżjoni politika tal-Gvern għall-ħames snin li ġejjin.