Lokali Mużika

“Atmosfera mill-isbaħ” – l-ewwel prova ta’ Emma fuq il-palk ta’ Turin

Ritratt: Eurovision TV

Matul il-jum tat-Tnejn l-ambaxxatriċi ta’ pajjiżna fil-Eurovision Song Contest – Emma Muscat, bil-kanzunetta I am What I am, kellha togħma inizjali tal-ispettaklu li taf toffri kompetizzjoni bħal din.

Dan hekk kif f’inqas minn 24 siegħa wara li Emma ħalliet pajjiżna lejn Turin, matul il-jum tat-Tnejn hija kellha l-ewwel prova fuq il-palk tal-Eurovision.

Emma Muscat, akkumpanjata miż-żeffiena, tat wirja tajba fuq il-palk tal-Pala Olimpico liebsa libsa tirrifletti, u b’noti li jsaħħruk.

Emma ddeskriviet l-ewwel prova tagħha bħala esperjenza mill-isbaħ iżda insistiet li hemm lok fejn titjieb. Hija spjegat li kienet nervuża ħafna … madanakollu, saħqet li l-atmosfera hija waħda mill-isbaħ.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ftit wara li kellha l-prova tagħha, Emma saħqet li għad-differenza tal-kanzunetta li rebħet biha l-Malta Song – Out of Sight – I am what I am hija kanzunetta li l-publiku jista’ jissocja lilu nnifsu aktar magħha.

Is-sitta u sittin edizzjoni tal-Eurovision Song Contest se tkun qed tiġi organizzata fl-Italja wara li l-edizzjoni preċedenti intrebħet mill-grupp rock Maneskin bil-kanzunetta Zitti e Buoni.

Fost il-favoriti li jirbħu l-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena hemm l-Ukrajna, l-Italja, l-Iżvezja u r-Renju Unit.

It-tieni prova ta’ Emma se tkun qed issir nhar il-Ħamis li ġej. Il-kantanta Maltija se tkun qed tirrappreżenta lil pajjiżna fit-tieni semi finali tal-Eurovision Song Contest fit-12 ta’ Mejju, u se tkanta fis-sitt post.