Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Il-militar ta’ Putin iddgħajjef matul il-ġimgħat tal-invażjoni

Il-Ministeru tad-Difiża tar-Renju Unit ikkwota l-aħħar analiżi tal-gwerra fl-Ukrajna u fejn spikka l-kumment li l-militar tar-Russja sar sinifikattivament aktar dgħajjef milli kien qabel l-invażjoni tal-Ukrajna.

L-informazzjoni miġbura mis-servizzi sigrieti, qed tindika wkoll li l-Armati ta’ Vladimir Putin ‘se jdumu ħafna biex jirkupraw’ minħabba s-sanzjonijiet tal-Punent imposti fuq Moska. Fl-istess ħin, dan ifisser li r-Russja għandha ssibha diffiċli biex, ‘il quddiem, tistazzjona qawwa militari konvenzjonali fi kwalunkwe zona li trid hi u għat-tul taż-żmien

Jidher ukoll li l-modernizzazzjoni tat-tagħmir tal-gwerra ma permettietx lir-Russja biex tiddomina l-gwerra fl-Ukrajna. Kaġun prinċipali għal dan kienu l-iżbalji u nuqqasijiet fl-ippjanar fuq livell strateġiku.

Hu minnu, intant, li r-Russja qed tieħu l-miżuri biex tpatti għat-telf kbir ta’ tagħmir militari – fosthom tankijiet u karrijiet tal-gwerra  — anki jekk Moska għadha tferrex il-propaganda li qed tilħaq l-impenji militari tagħha fl-Ukrajna.