Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Il-Papa Franġisku kien offra biex jiltaqa’ ma’ Vladimir Putin f’Moska

Il-Papa Franġisku, fl-aħħar sigħat, qal li, ġimgħat ilu, kien offra biex jivvjaġġa lejn Moska u jiltaqa’ mal-President Russu Vladimir Putin bil-għan li huma jiddiskutu l-gwerra fl-Ukrajna.

Madankollu, il-Papa ammetta li ‘għadu sallum qed jistenna t-tweġiba mingħand il-Kremlin ta’ Moska’.

Il-Papa, waqt kummenti lill-gazzetta Taljana Corriere della Sera, żvela li kien bagħat dan il-messaġġ lill-Kremlin xi 20 jum wara l-bidu tal-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet Russi ( fl-24 ta’ Frar).

Din hi anki l-ewwel darba li l-Papa rrefera direttament ( u pubblikament) għar-Russja u għal Vladimir Putin mill-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna.

Fl-istess ħin, il-Papa żvela li fl-aħħar jiem kellu zoom call ta’  40 minuta mal-Patrijarka Kirill, li jmexxi lill-Knisja Ortodossa Russa, u li jappoġġja l-konflitt fl-artijiet Ukreni. Hawnhekk, il-Papa spjega li Kirill ‘dam almenu 20 minuta joħroġ dak li ħaseb kienu ġustifikazzjonijiet għall-gwerra’ filwaqt li tenna li ‘il-Patrijarka ma jistax jibdel lilu nnifsu fl-abbati ta’ Putin’.

Fl-istess ħin – waqt l-intervista – il-Papa qal li jinsab ‘pessimist’ dwar kif għandha tiżviluppa l-gwerra fl-Ukrajna u meta hu ‘mhux jara biżżejjed rieda ġenwina għall-paċi’.

Il-Papa kompla li meta, fl-aħħar jiem, kellu laqgħa mal-Prim Ministru tal-Ungerija Viktor Orban hu kien infurmat li ‘ir-Russi qed jaħdmu fuq pjan speċifiku’ u li l-konflitt fl-Ukrajna ‘għandu jintemm fid-9 ta’ Mejju’.

Intant, għad ma hemm xejn konkret li jissostanzja din it-teorija – bir-Russja qed tħejji biex tiċċelebra d-9 ta’ Mejju bħala l-anniversarju tar-rebħa fuq il-Ġermanja Nażista matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Fis-snin preċedenti, l-hekk-imejjaħ ‘Jum ir-Rebħa’ kien iċċelebrat bil-parati militari kbar fil-qalba ta’ Moska.