L-awtoritajiet ta’ Mariupol esprimew inkwiet kbir għall-għexieren ta’ ċivili Ukreni li ilhom il-ġimgħat maqbudin fil-faċilità industrijali ewlenija ta’ din il-belt u minkejja l-aħħar evakwazzjonijiet ta’ familji mill-inħawi.
Skont l-indikazzjonijiet għad fadal aktar minn 200 ċivili fil-kumpless ta’ Azovstal li hu l-aħħar fortizza tal-Ukreni f’belt li spiċċat kważi għal kollox okkupata mir-Russja. Fl-istess ħin jidher li għad hemm madwar 100,000 ruħ maqbudin fid-diversi distretti ta’ Mariupol li ilha l-ġimgħat taħt assedju.
Mariupol għanda importanza kbira strateġika u l-ftit truppi Ukreni li għad fadal fil-kumpless huma determinati biex jirreżistu sal-aħħar lill-qawwiet ta’ Putin.
Dan meta n-Nazzjonijiet Uniti u s-Salib l-Aħmar fl-aħħar sigħat kienu qed jittamaw li jevakwaw aktar ċivili minn Mariupol u l-madwar.
Rapporti oħra qalu li numru ta’ refuġjati li rnexxielhom joħorġu minn Mariupol jinsabu viċin ħafna ċ-ċentru għall-persuni evakwati fl-inħawi ta’ Zaporizhzhia. Dan meta x-xarabanks li qed iwasslu lir-refuġjati lejn dan iċ-ċentru qed ikollhom jivvjaġġaw għal mijiet ta’ mili mit-territorji Ukreni kontrollati minn separatisti li jappoġġjaw lir-Russja.
//= $special ?>