Il-Koalizzjoni għal Għawdex, li hija magħmula mill-NGOs Għawdxin Din l-Art Ħelwa Għawdex, Għawdix u Wirt Għawdex, flimkien ma’ Din l-Art Ħelwa National Trust, se jirrikorru lejn il-Qorti biex jitolbu dikjarazzjoni ta’ invalidita’ ta’ Policy P35 u Annex 2 tad-Development Control Policy, Guidance and Standards 2015, magħruf aħjar bħala DC15.
Il-Koalizzjoni tara dawn il-policies bħala elementi ewlenin li permezz tagħhom qed jinqered l-ambjent Malti u Għawdxi, u li qed jikkontribwixxu għat-tħassir tal-karatteristiċi urbani u l-identita’ intrinsika ta’ ħafna bliet u rħula fil-pajjiż, oltre r-rovina ta’ bini ta’ valur patrimonjali u d-degradazzjoni kontinwa tal-ambjent naturali.
Il-Koalizzjoni għal Għawdex u Din l-Art Ħelwa jinfurmaw lill-pubbliku illi wara snin ta’ tentattivi persistenti, li sfortunatament ma ħallewx frott, biex iħeġġu lill-Gvern u lill-Awtorità tal-Ippjanar jindirizzaw l-inkongruwenzi legali u loġiċi addirittura li ġew introdotti permezz tad-dħul fis-seħħ tal-Policy P35 u Annex 2 tad-DC15, il-Koalizzjoni ħasset li kien neċessarju li dan il-każ jiġi riferut lill-Qrati ta’ Malta bil-għan li titrażżan il-kostruzzjoni bla kontroll li qed issir tramite dawn ir-regolamenti u li qed iġġib magħha ħsara fuq l-ambjent u l-patrimonju ta’ Malta u Għawdex.
Għaldaqstant, l-ENGOs ser ikunu qed jitolbu lill-Qrati ta’ Malta biex dawn jiddikjaraw l-invalidità ta’ Policy P35 u Annex 2 fi ħdan id-DC15. F’dan ir-rigward, l-ENGOs se jkunu qed jargumentaw li Policy P35 u Annex 2 imorru kontra l-pjanijiet lokali, li l-istess P35 u Annex 2 kienu intiżi biex jinterpretaw. Ironikament, dan huwa l-każ minkejja li l-liġi tistabbilixxi li l-pjanijiet lokali għandhom jieħdu preċedenza fuq kwalunkwe “policies” oħra skont l-Artiklu 53 ta’ Kapitlu 552 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Barra minn hekk, l-ENGOs jemmnu bis-sħiħ li Policy P35 u Annex 2 għandhom jiġu ikkunsidrati invalidi anke għaliex ir-rekwiżiti stabbiliti mil-liġi għall-ippromulgar ta’ regolamenti simili ma ġewx rispettati. L-ENGOs jiddikjaraw illi huma jibqgħu favur żvilupp sostenibbli li jsir b’mod li huwa ben ippjanat, li jsebbaħ il-Gżejjer, jipproteġi u jippreserva l-patrimonju Malti u Għawdxi, ittejjeb il-kwalità tal-ħajja għall-Maltin u l-Għawdxin u jsaħħaħ il-prodott turistiku, filwaqt li jiġġenera ukoll tkabbir sostenibbli tal-ekonomija.
Għal dan il-għan, u fid-dawl tal-attakk persistenti li qed isir fuq il-patrimonju ambjentali u kulturali tal-Gżejjer Maltin, u tenut kont tal-impatt li l-kostruzzjoni bla rażan kellha u qed ikompli jkollha fuq is-sbuħija u t-trankwillità tal-bliet u irħula Għawdxin, il-Koalizzjoni ħasset id-dover li tieħu din l-azzjoni f’dak li qed jitqies bħala mument kruċjali sabiex il-karattru intrinsiku ta’ Malta u Għawdex jiġi protett u ippreservat kif mistħoqq.
//= $special ?>