L-għoli tal-ħajja qed tibqa’ tippersisti u tkun ta’ piż għal ħafna, inkluż għall-volontiera li huma involuti f’numru ta’ inizjattivi bhal ‘soup kitchens’ madwar pajjiżna, li spiċċaw bilkemm qed ilaħħqu mad-domanda li qed ikollhom. Żieda drastika li nħasset fi żmien qasir ta’ sentejn biss tant li operat li kien għaddej sew, illum il-ġurnata qed isibha ferm diffiċli biex jibqa’ għaddej.
Dan deher biċ-ċar fl-iktar rapport riċenti li ġie ppubblikat mill-Bank Ċentrali ta’ Malta li kkonferma li xahar wara l-ieħor l-għoli tal-ħajja qed tkompli tiżdied, bl-istatistika turi li l-għoli tal-ħajja u ż-żieda fil-prezzijiet huma f’livelli rekord – livelli li qatt ma rajna bħalhom f’dawn l-aħħar 5 snin.
Il-kok Malti, Rafel Sammut spjegalna kemm id-daqqa tal-għoli tal-ħajja qed taffetwahom, b’mod speċjali fl-operat tal-victory kitchen li beda daqs sentejn ilu.
“L-għoli tal-ħajja qed jaffetwa anke lilna, b’mod speċjali dak tal-ikel,” qal Sammit. “Tista’ tgħid din is-sena nistgħu niġu darna mal-ħajt.”
Spejjeż li jitilgħu mhux ftit meta tikkunsidra li l-ikliet ma jikkonsistux biss fl-ikel.
“Bħalissa qed inservu iktar minn 1,700 ikla fil-ġimgħa, ikel li jiġi ppreparat, ippakjat u saħansitra jitwassal fid-djar tan-nies,” qal Sammut.
L-idea tal-victory kitchen kienet ilha tberren f’moħħ Sammut, biż-żmien opportun kien fil-bidu tal-pandemija meta x-xogħol tar-ristorant tiegħu naqas drastikament u eventwalment, minħabba l-lockdown, kellu jagħlaq b’mod temporanju.
“Għaddejna minn ħafna matul dawn is-sentejn u nofs,” qal Sammut. “Kelna ħafna sfidi u rnexxilna ngħelbuhom. Nittama li jirnexxilna ngħelbuhom din id-darba wkoll bl-għajnuna tan-nies u l-awtoritajiet konċernati.”
Illum il-ġurnata, Sammut ma jridx jaħseb li se jasal f’punt li jaqbad u jqaċċat persuni minn fuq il-lista li għandhom bżonn platt ikel. U wisq inqas ma jridx jara l-bibien tal-victory kitchen jingħalqu kompletament, b’mijiet, fosthom tfal, jispiċċaw ma jafux kif se jitrejqu.
Bejn is-7 u t-8 ta’ Mejju, Sammut flimkien ma’ persuna oħra se jkunu qegħdin jagħmlu għawma ta’ 24 siegħa bl-għan li jinġabru fondi biex b’hekk ikunu jistgħu jżommu l-victory kitchen miftuha, post li numru kbir ta’ persuni jserħu fuqu biex jgħixu ħajja diċenti.
Rafel Sammut qalilna li huma mhumiex ifittxu biss persuni li lestu jgħinu b’mod finanzjarju iżda wkoll oħrajn li lesti jagħtu b’donazzjoni ta’ ikel u anke persuni li lesti jagħmlu xogħol volontarju.
Jekk tixtieq tgħin, agħfas hawn.
//= $special ?>