Lokali Unjoni Ewropea

Imnedija s-sejħa għall-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu

Fit-3 ta’ Mejju, il-Jum Dinji tal-Liberta tal-Midja, il-PE nieda uffiċjalment is-sit web kif ukoll is-sejħa għall-parteċipazzjoni għall-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu.

Il-Premju jippremja kull sena l-eċċellenza fil-ġurnaliżmu li jippromwovi jew jiddefendi l-prinċipji u l-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea bħad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem.

Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, qalet, “Il-messaġġ tal-Parlament Ewropew huwa ċar: L-Ewropa tappoġġa lil dawk li jfittxu l-verita. Il-pinna ta’ Daphne ssiktet għaliex kienet qed tikxef il-verita u m’għandna qatt nippermettu li l-ġurnalisti jsiru miri u vittmi. B’dan il-premju l-Parlament Ewropew ser ikompli jiddefendi l-liberta tal-kelma, il-pluralita tal-midja u l-ġurnaliżmu ta’ kwalita, u jgħin biex dawn il-valuri jiġu trasmessi lill-ġenerazzjonijiet futuri.”

Il-Premju huwa miftuħ għall-ġurnalisti professjonisti u t-timijiet ta’ ġurnalisti professjonisti ta’ kull nazzjonalità biex jissottomettu xogħlijiet approfonditi li jkunu ġew ippubblikati jew imxandra mill-media bbażata f’waħda mis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. L-għan huwa li tiġi appoġġjata u enfasizzata l-importanza tal-ġurnaliżmu professjonali fis-salvagwardja tal-libertà u l-ugwaljanza.

Ġurija indipendenti komposta minn rappreżentanti tal-istampa u tas-soċjetà ċivili mis-27 Stat Membru Ewropew u rappreżentanti tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Ġurnaliżmu ewlenin se tagħżel il-parteċipazzjoni rebbieħa. Iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni se ssir kull sena viċin is-16 ta’ Ottubru, id-data li fiha ġiet assassinata Daphne Caruana Galizia.

Il-premju u l-valur fi flus ta’ €20,000 huma turija tal-appoġġ qawwi tal-Parlament Ewropew għall-ġurnaliżmu investigattiv u l-importanza tal-media ħielsa. Matul dawn l-aħħar ftit snin, il-Parlament wissa dwar tentattivi kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha biex jimminaw il-pluraliżmu tal-midja.

L-MEPs ikkundannaw l-attakki fuq il-ġurnalisti, b’mod partikolari minn politiċi, u talbu lill-Kummissjoni tressaq leġiżlazzjoni kontra kawżi abbużivi. Fis-27 ta’ April, tħabbret proposta biex tiġi indirizzata l-litigazzjoni malizzjuża kontra l-ġurnalisti u l-attivisti.

Il-ġurnalisti jistgħu jibagħtu l-artiklu/artikli tagħhom online fuq https://daphnejournalismprize.eu/.https://daphnejournalismprize.eu/ sal-31 ta’ Lulju 2022, f’nofs il-lejl.