L-Armata Ingliża qed tinvestiga sitwazzjoni fejn raġel mingħajr l-ebda kapaċità uffiċjali spiċċa jqatta lejl sħiħ f’barracks tal-Gwardja Irjali viċin il-Kastell ta’ Windsor, li hu wieħed mir-residenzi tar-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra.
Ir-rapporti qalu li r-raġel ma kellu l-ebda dritt li jidħol f’dik iz-zona, bil-media Ingliża tgħid li l-pulizija wieġbu għar-rapporti li kien hemm persuna suspettuża fil-Victoria Barracks li huma l-bażi tal-famuż riġment tal-Coldstream Guards.
Fl-aħħar sigħat ukoll kienet għaddejja inkjesta dwar is-sigurtà madwar il-Kastell ta’ Windsor fost rapporti li r-raġel kien avviċina lis-suldati fl-inħawi u talab il-permess biex jidħol fil-barracks filwaqt li preżenta ruħu bħala qassis.
Fil-ħin tal-inċident, ir-Reġina kienet qiegħda tqatta żmien fil-Kastell ta’ Sandringham, f’Norfolk. Intant, kelliema għall-Armata qalu li l-uffiċjali ewlenin qed jitrattaw il-preżenza tar-raġel f’zona delikata bħala abbuż serju tas-sigurtà u li jeħtieġ ikun investigat bi priorità.
Sorsi tal-media qalu li r-raġel inkwistjoni qatta lejl jiekol u jixrob mal-uffiċjali tal-Coldstream Guards wara li qalilhom li kien ħabib kbir tal-kappillan issekondat mal-battaljun lokali tar-riġment.
Ir-rapporti qalu wkoll li l-pulizija li ssejħet fuq il-post ħafna wara, ħadu lir-raġel ‘il hinn mingħajr drama żejda u li ma kienx hemm ħtieġa għal aktar azzjoni.
Intant, l-Armata Ingliża mhix lesta toħroġ dettalji speċifiċi tal-każ sakemm tkompli l-inkjesta.
Il-Coldstream Guards – magħrufin għall-ġgieget ħomor u l-famużi ‘bearskin hats’ — minn dejjem kellhom rwol ċerimonjali bħala l-protetturi tal-Kastell ta’ Windsor u l-Palazz ta’ Buckingham.
//= $special ?>