Internazzjonali

L-aħħar żviluppi mill-Gwerra tal-Ukrajna…

Ukrainian refugees at an emergency shelter in Chisinau, Moldova, March 5, 2022. Photo by Nati Shohat/Flash90 *** Local Caption *** מקום מחסה מקלט אולם ספורט מלחמה אוקראינה הקרן לידידות

Aktar minn 100 ċivili li kienu evakwati mill-kumpless industrijali ta’ Mariupol għadhom kemm waslu fiċ-ċentru tar-refuġjati ta’ Zaporizhzhia, fl-Ukrajna.

Dawn jinkludu ħafna nisa u tfal li kienu salvati mill-kumpless fi tmiem il-ġimgħa, iżda l-Gvern Ukren, issa, żvela li għad fadal il-mijiet ta’ ċivili maqbudin taħt it-tifrik tal-istess faċilità industrijali (ta’ Mariupol) li sa ftit ilu kienet tipproduċi l-azzar.

Fl-aħħar ħinijiet, ir-Russja kkonfermat li qed terġa’ tibbumbardja lill-kumpless partikulari fejn hemm ukoll numru ta’ truppi Ukreni li qegħdin jirreżistu lill-qawwiet tal-Kremlin. Il-bumbardamenti l-ġodda qed jingħad li seħħew bħala ‘ritaljazzjoni talli l-Ukreni kisru ftehim għal waqfien mill-ġlied’ fl-inħawi.

Sadanittant, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, fisser ir-reżistenza tal-Ukreni fil-konfront tar-Russja bħala ‘l-aqwa sinjal ta’ qlubija li ġibed l-ammirazzjoni tad-dinja’.

Johnson qal dan waqt diskors lill-Parlament tal-Ukrajna filwaqt li żvela dettalji dwar l-għajnuna finanzjarja li r-Renju Unit qiegħed jipprovdi lill-Ukreni biex jiddefendu ruħhom aħjar kontra l-aggressuri Russi.