Il-ħolma ta’ Hospice Malta hi li tibni binja ġdida biex tgħin lil pazjenti u qraba tagħhom li għandhom kundizzjoni partikolari u ma jistawx joqghodu weħidhom.
Fil-fatt, il-Hospice qed tippjana li sas-sena d-dieħla, dan il-proġett jitlesta. Il-proġett se jkun qed jiftaħ il-bibien tal-binja St. Michael Hospice biex jagħtu l-aħjar servizz b’xejn lil numru ta’ Maltin u Għawdxin.
Ic-Chairperson ta’ Hospice Malta, Bernadette Bonnici Kind spjegatilna aħjar ix-xogħol li qed isir minn dan il-moviment ….u l-importanza ta’ dan il-proġett il-ġdid.
“Għandna bżonn postijiet speċifikati biex nagħtu s-servizz tagħna lil pazjenti,” qalet Bonnici Kind. “F’din il-binja mistenni li jkun hemm in-patient unit li se tikkonsisti f’16-il sodda biex jagħtu kura fil-post għal pazjenti li ma jistgħux joqgħodu d-dar.”
Iżda biex din il-ħolma ssir realtà, Hospice Malta qed titlob lill-pubbliku biex jgħin f’maratona ġbir ta’ fondi li se ssir fis-26 ta’ Ġunju… maratona li se tixxandar fuq l-istazzjonijiet kollha lokali, fosthom Net Television, bejn nofsinhar u nofsillejl.
Illum il-ġurnata, dan il-moviment jgħin lil madwar 1,300 persuna, u ‘il quddiem se jkunu jistgħu jgħinu aktar minn 2,000 persuna.