Lokali Qorti

Mixlija b’theddid fuq Maġistrat u żewġ Spetturi wara l-għoti ta’ sentenza fil-konfront tagħha u tal-partner

Mara ta’ 28 sena residenti l-Gżira ġiet mixlija quddiem il-Maġistrat Monica Vella li nhar it-Tnejn li għadda l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech tat sentenza fil-konfront tagħha u ta’ missier it-tifla tagħha, hija nfexxet tgħajjat u toffendi l-istess Maġistrat u żewġ Spetturi tal-Pulizija.

Pawlina Cutajar ġiet mixlija li matul il-jum ta’ filgħodu fit-2 ta’ Mejju li għadda nġurjat u tkellmet ħażin, li jikkonsisti f’dagħha fil-pubbliku. L-Avukat Roberto Montalto qal li l-klijenta tiegħu qed titlob skuża.

Tenna li Cutajar bl-ebda mod ma offendiet lill-Maġistrat, iżda l-kliem kien indirizzat lejn l-Ispetturi Jonathan Cassar u Roxanne Tabone. Qal li dan xorta huwa ħażin u għal dan il-fatt hija jiddispjaċiha u qed titlob skuża b’mod mill-aktar kundizzjonata.

Huwa qal li qed ikun hemm ammissjoni fir-rigward ta’ theddied fil-konfront tal-Ispetturi tal-Pulizija, li kisret il-paċi pubbliku u li tkellmet ħażin. L-Avukat Montalto qal li Cutajar qed taċċetta li fil-verita li l-Ispetturi ma kienu qed jagħmlu xejn inqas u xejn aktar ħlief li jaqdu dmirijithom. Fil-konfront tal-Maġistrat Frendo Dimech, bl-ebda mod ma riedet li tonqosha.

Ir-reazzjoni tagħha kienet meta semgħet li missier bintha ngħata sentenza ta’ ħabs. Tenna li wara li hija appellat mis-sentenza mogħtija lilha, li kienet waħda ta’ ħabs sospiża, hija skużat ruħha nhar it-Tnejn.

L-Avukat Roberto Montalto talba biex Cutajar tingħata multa u sentenza sospiża, liema talba ma sabitx oġġezzjoni mill-Ispetturi Daryl Borg u Gabriel Micallef li ressqu lil Cutajar.

Il-prosekuzzjoni qalu li huwa minnu li hija offendiet lill-partijiet imma fl-ebda ċirkostanza ma marret tiġri wara l-vittmi, meta ġara dak ġara. L-Avukat talab lill-Qorti biex tisma’ lill-Ispetturi Cassar u Tabone jixhdu dwar il-każ.

L-Avukat Montalto talab għall-ħelsien mill-arret ta’ Cutajar, liema talba ma sabirx oġġezzjoni minn naħa tal-prosekuzzjoni. Il-Qorti laqgħet it-talba fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li tkun id-dar sal-11pm u ma toħroġ qabel il-11am. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittmi.

Hija diga għandha depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000 fuq każ ieħor. U diġa’ kellha ordni biex tiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema. Is-sieħeb tagħha Johan Sultana nhar it-Tnejn ġie kundannat tliet snin ħabs wara li nstab ħati li mexxa burdell fil-Fgura u ieħor fil-Mosta kif ukoll instab ħati ta’ ħasil ta’ flus. Cutajar ingħatat sentenza sospiża wara li nstabet ħatja li kienet ukoll tmexxi l-burdell flimkien permezz ta’ ‘massage parlours’ u li saret reċidiva. Hija ma nstabitx ħatja ta’ ħasil ta’ flus.