Sport Waterpolo

Neptunes jaċċertaw fit-tielet sessjoni … Barracudas bl-ewwel rebħa kemm ilhom li rritornaw

(Ritratt: Timmy Cutugno)

Rapport: Stewart Said

NEPTUNES VIDEOSLOTS….. 13

EXILES……………………………. 7

(3-2), (3-2), (5-2), (2-1)

Neptunes saħħew ir-raba’ post b’rebħa fuq Exiles. Konfront li fih it-tim ta’ Jovan Popovic qatt ma deher fil-periklu li jitlef il-massimu tal-punti. Iżda dan ma jfissirx li Exiles kellhom prestazzjoni deludenti. Aurelien Cousin kellu lill-gowlkiper Matthew Castillo nieqes għal partita oħra.

Sal-ewwel żewġ sessjonijiet, Neptunes kellhom vantaġġ ta’ gowl għal ħafna mill-ħin. Mark Fenech kien wieġeb għall-penalty ta’ Sam Gialanze u Philip Paris naqqas id-distakk għal 3-2 lejn tmiem l-ewwel sessjoni.

Fit-tieni sessjoni, Neptunes irduppjaw il-vantaġġ darbtejn iżda pronta kienet ir-risposta ta’ Exiles. Il-gowl ta’ James Spiteri Staines fl-aħħar attakk tas-sessjoni donnu witta t-triq għar-rebħa ta’ Neptunes.

Dan għaliex sal-ewwel nofs tat-tielet sessjoni, id-distakk kiber għal 9-4 bi tliet gowls konsekuttivi. Exiles pruvaw jibqgħu fil-logħba b’gowls ta’ Matteo Martellacci u Jake Bajada, iżda Jordan Camilleri u Sam Gialanze żammew il-vantaġġ ta’ ħames gowls. L-aħħar sessjoni kienet formalità, b’Neptunes baqgħu jikkontrollaw.

Neptunes: A. Borg Cole, M. Zammit, S. Gialanze (2), G. Pace, J. Cachia (2), J. Spiteri Staines (3), M. Castillo (2), J. Camilleri (2), R. Galea, M. Spiteri Staines (2), D. Bugeja, M. Farrugia, Mi. Farrugia, L. Mallia, B. Zammit

Exiles: G. Borg, N. Saliba, S. Apap, P. Paris (1), T. Sullivan, S. Xerri de Caro, M. Fenech (1), K. Griscti, N. Paris, J. Bajada (3), M. Aquilina, D. Fenech, M. Martellacci (2), L. Gialanze, M. Paris Roding

Referees: Richard Magri, Alex de Raffaele

(Ritratt: Timmy Cutugno)

OTTERS NIVEA………………… 6

BARRACUDAS…………………. 10

(2-2), (2-3), (2-3), (0-2)

Barracudas temmew il-Kampjonat tax-Xitwa bl-aħjar mod possibbli b’rebħa kontra Otters. Din kienet l-ewwel rebħa ta’ Barracudas minn meta rritornaw fix-xena lokali tal-waterpolo.

Fl-ewwel sessjoni Aleandro Mifsud u Andrew Magri wieġbu f’żewġ okkażjonijiet minn man-ups għall-gowls ta’ Otters. Barracudas irnexxielhom imorru fil-vantaġġ għall-ewwel darba fit-tieni sessjoni iżda din id-darba kien imiss lil Otters li ġabu d-draw darbtejn. Dan sakemm Aleandro Mifsud skorja t-tielet gowl personali u daħħal lil Barracudas jistrieħu 5-4 fil-vantaġġ.

Otters li diġà kellhom skwadra qasira, tilfu lil Karl Scicluna u Luke Grech Carr bit-tielet fawl. Dan għamilha iktar faċli biex għall-ewwel darba fil-logħba, id-distakk bejn it-tnejn kien ta’ żewġ gowls. Andrew Magri u Ryan Sciortino skorjaw darbtejn fi ftit sekondi lejn nofs it-tielet sessjoni.

Għalkemm il-logħba kienet għadha miftuħa fl-aħħar sessjoni, Otters dehru bla saħħa biex idawru l-iżvantaġġ b’Andrew Magri jissiġilla r-rebħa b’gowl fil-bidu u fl-aħħar tas-sessjoni.

Otters: M. Xerri, M. Bonnici (1), K. Scicluna, L. Grech Carr (2), K. Micallef, D. Dimech, I. Azzopardi, S. Dimech (1), L. Dimech (1), Z. Bartolo (1), M. Grech

Barracudas: M. Borg, A. Piccione, A. Magri (4), P. Micallef (1), D. Ciantar, R. Sciortino (2), S. Aquilina, L. Galea, D. Camilleri, S. Camilleri, A. Mifsud (3), T.J. Mifsud, C. Bugeja

Referees: Stefan Licari, Peter Balzan

Logħob li jmiss

Għada

L-Ewwel Diviżjoni: Ta’ Xbiex v Marsaskala 6.15pm

Kampjonat Premier: San Ġiljan v Birżebbuġa 7.20pm, Sliema v Sirens 8.25pm