Xirja ta’ prodotti bażiċi tal-ikel għal familja ta’ erba’ persuni żdiedet b’€100 fix-xahar meta mqabbel ma’ sentejn ilu u dan meta ma kienx għad hemm il-gwerra fl-Ukrajna u allura, m’humiex ikkunsidrati ż-żidiet fil-prezzijiet li din qed iġġib magħha.
Dan ħareġ minn studju li għamlet Caritas Malta fi Frar li għadda u li inkluda wkoll xirjiet ta’ prodotti essenzjali ta’ mediċini u prodotti relatati mal-pandemija, li ma jkunux fuq il-Formularju tal-Gvern.
Dwar l-ikel, il-Professur Suzanne Piscopo, mill-Fakultà tal-Edukazzjoni fi ħdan l-Università ta’ Malta, spjegat kif l-istudju wera li l-basket tal-ikel għal familja ta’ erbgħa ġie jiswa ftit anqas minn €700 meta l-istess basket kien jiswa ftit anqas minn €600 sentejn ilu.
Din l-ispiża fix-xahar ma tinkludix spejjeż oħrajn, bħall-petrol u d-diesel, mobile u internet, kif ukoll il-kontijiet tad-dawl.
F’termini ta’ perċentwali, il-prezz tal-basket tal-ikel għola b’bejn 17.75% u 25%, bl-aktar li marru minn taħt kienu l-koppji anzjani. Dan meta l-basket inkluda fih prodotti għal tliet ikliet bażiċi kuljum u żewġ snacks għal sebat ijiem minn żewġ supermarkets f’zona ċentrali.
Meta pprovat taġġorna l-basket ta’ prodotti għall-ħajja tal-lum, Caritas Malta rat li ma jiżdiedux prodotti li l-prezz tagħhom varja b’aktar minn 10%. F’dan il-każ, kulma żiedu kien juice tat-tuffieħ għax kien magħmul b’mod organiku u b’pakkeġġar riċiklat, kif ukoll yoghurt.
Żidiet eżorbitanti fil-prezzijiet irriżultaw anke fi prodotti mediċinali, bil-basket jinkludi ftit prodotti relatati mal-Covid-19, bħal maskra għal kull persuna kuljum, ftit fliexken ta’ sanitizer u prodotti bħal paracetamol f’każ li persuna tintlaqat ħafif mill-virus.
F’dan il-każ, iż-żieda f’termini perċentwali kienet ta’ bejn 11.63% u 36.37%, fejn anke hawn, l-aktar li ntlaqtu ħażin kienu l-koppji anzjani. F’termini ta’ flus, dan il-pakkett speċifiku żdied b’bejn €70 u €100 fix-xahar, jew sa ftit anqas minn €1,200 fis-sena.
Dwar prodotti ta’ frott u ħaxix, Caritas Malta nnotat kif fis-supermarkets, l-orħos prezzijiet kienu ta’ prodotti li m’humiex lokali. Madankollu l-aħjar prezzijiet għall-ħxejjex u l-frott instabu minn farmers’ markets, minfejn jinbigħu prodotti friski direttament mir-raħħala.
F’kumment lil NET News, id-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt qal li, fl-isfond tal-isfidi li l-familji qed iħabbtu wiċċhom magħha fi triqtna ‘l barra mill-pandemija, aktar minn qatt qabel illum hu importanti li jsir dak kollu possibbli ħalli jkunu mgħejjunin dawk l-aktar vulnerabbli.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, Caritas Malta tenniet ir-rakkomandazzjonijiet li ilha tagħmel għal dawn l-aħħar sentejn u oħrajn, fosthom dwar l-importanza li l-food banks ikunu sostnuti aktar u anke li jinħolqu food waste apps, fejn wieħed ikun jista’ jixtri bi prezz irħis prodotti li jkun informat bihom minn xi supermarket, kafetterija jew postijiet oħrajn għax ikunu qrib li jiskadu.
Fost rakkomandazzjonijiet oħrajn ta’ Caritas Malta hemm ukoll l-importanza li tkun estiża l-iskema tal-ikel iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea għal dawk li għandhom dħul baxx, kif ukoll vouchers biex il-famlji jużawhom meta jkun meħtieġ.
Biex tkun indirizzata ż-żieda fil-prezzijiet tal-mediċini, Caritas Malta qed tirrakkomanda li dawk bid-dħul baxx jingħataw lura l-flus għal mediċini li ma jingħatawx b’xejn.
Dan l-istudju – li tmexxa minn Andre Bonello bħala l-Kap tar-Riċerka ta’ din l-NGO fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta u mill-Professur Piscopo bl-għajnuna ma’ studenti tal-Baċellerat fix-Xjenza tal-Home Economics – jirrifletti sew statistika wara l-oħra li kienu ppubblikati fl-aħħar xhur, fosthom mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li kollha wrew żidiet fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali bħall-ikel u l-mediċini.
//= $special ?>