Raġel ta’ 40 sena mill-Ħamrun ġie kundannat tliet snin ħabs wara li nstab ħati li mexxa burdell fil-Fgura u ieħor fil-Mosta kif ukoll instab ħati ta’ ħasil ta’ flus. Omm it-tifla tiegħu, li għandha 28 sena, residenti l-Gżira ingħatat sentenza sospiża talli kienet ukoll tmexxi l-burdell flimkien permezz ta’ massage parlours. Ħareġ mill-provi li anke hi kienet tagħti servizzi sesswali.
Johan Sultana nstab ħati li għex, għal kollox jew f’parti minn fuq il-qliegħ tal-prostituzzjoni ta’ persuni oħra u bħala persuna responsabbli minn ħanut, ġie użat bħala post ta’ laqgħa għal skop ta’ prostituzzjoni. Huwa nstab ħati wkoll li uża post għall-attività kriminali, li kien fil-pusses tad-droga eroina u li kellu fil-pusses tiegħu bħala persuna ikkundannata f’Malta għal serq għodod għal ftuħ jew sgassar, mingħajr ma ta kont dwar l-użu tagħhom.
Pawlina Cutajar instabet ħatja li mexxiet u użat ħanut għal skop ta’ prostituzzjoni, li kkommettiet reat punibbli bi priġunerija waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża ta’ priġunerija u li saret reċidiva. Hija ma nstabitx ħatja fuq ħsail ta’ flus. Il-koppja appellaw mis-sentenzi mogħtija.
Ir-raġel li qal lill-Pulizija li kien jgħix bil-pensjoni kien jagħmel qligħ minn fuq il-prostituzzjoni bil-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech tordna li s-sentenza tiġi mibgħuta lid-Direttur Ġenerali għas-Servizzi Soċjali in vista tal-fatt li l-imputat Sultana qed jirċievi l-benefiċċji soċjali.
Ordnat wkoll notifika ta’ din is-sentenza lill-Kummissarju għat-Taxxi sabiex jinvestiga diskrepanzi rigward il-‘capital gains’ tax dovuta fuq it-trasferiment tal-ħanut li fuqu tħallsu 26,000 elf ewro. Ukoll fid-dawl tal-provi li prodotti, l-Qorti ordnat ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jinvestiga jekk f’dan il-każ jeżistux l-estremi legali li jsawru r-reati skont il-liġi fil-konfront tan-Nutar Joseph Tabone, u fil-konfront ta’ Josianne Brincat sid li kienet tiġġesttixi l-ħanut. Ordnat li kopja ta’ din is-sentenza tiġi notifikata lid-Direttur tal-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi.
Dan ukoll fid-dawl tal-fatt fejn kien hemm ħlas cash li sar għall-ħanut, għalkemm il-kuntratt jgħid li saret donazzjoni, kif ukoll għall-fatt li Pawlina Cutajar ma spjegatx il-provvenjenża tal-flus li nstabu għalkemm intqal li kien hemm wirt. Għall-pulizija deher li dan kien każ ta’ “retention of dirty money”. Sadanittant il-Pulizija kkonfermat li Josianne Brincat ma ġietx investigata fuq ħasil ta’ flus.
L-Ispettur Jonathan Cassar mill-iskwadra ta’ kontra Drogi, spjega kif fis-27 ta’ Jannar, 2019, ġie nfurmat minn kuntistabbli li kien twaqqaf Johan Sultana, li kien qed isuq Mercedes fejn fis-‘centre console’ sabu sustanza eroina fl-ammont ta’ 0.614grammi kif ukoll ingwanti, balaclava u martell.
L-imputat ammetta li kellu vizzju qawwi ta’ eroina. Qal li l-balaclava u l-ingwanti kienu għall-mutur, u l-martell żammu fil-vettura biex f’każ ta’ inċident ikisser il-ħġieġ. Dwar miżien li nstab qal li dan kien jużah biex jiżen id-deheb għalkemm ma kellux mestier fil-qasam u kien fuq ir-relief. Minn fuq il-persuna ta’ Sultana gew elevati €1,460 filwaqt li fir-residenza tiegħu gew elevati €3,600 u €2,480 li nstabu f’portmoni tan-nisa u ntqal lill-pulizija li dawn kienu jappartjenu lil Pawlina Cutajar. Dwar l-€3,600 Sultana qal li dawn kienu ħlas ta’ insurance.
Messaġġi mill-mobilke dwar ‘massage parlour’ li kien qed jintuża għall-skopijiet sesswali
Mill-mobile elevat irriżultaw messaġġi dwar ‘massage parlour’ li kien jintuża għall-skopijiet sesswali. Instab Facebook profile bl-isem ta’ Paula Cutajar bil-username m.me/xjohann.sultana b’ħafna komunikazzjonijiet ma terzi rigward servizzi sesswali.
Saret extraction tad-data fejn ġie deċiż li dan l-aspett jiġi nvestigat minn naħa tal-Vice Squad. Intbghatu uffiċjali viċin il-parlour Bliss Massage fi Triq San Pietru, Fgura, fejn ġew innotati deħlin u ħierġin xi persuni kif ukoll l-imputata li ġiet mibdula bi tfajla oħra.
Klijent tal-massage parlour, stqarr mal-pulizija li ħallas €50 lill-imputata għal servizz Il-pulizija kompliet tinvestiga w kellmet numru ta’ irġiel biex b’hekk saħħet it-teżi tagħha li l-‘parlour’ kien qed jintuża bħala burdell; fil-fatt numru minnhom ikkonfermaw li kellhom x’jaqsmu sesswalment kemm ma Cutajar kif ukoll ma mara oħra.
Dan ikkorrobora messaġġi fuq il-profile imsemmi dwar kif il-parlour issa kien hemm mara oħra taħdem fih u tagħti servizzi sesswali. Instabu ritratti fil-whatsapp chats bejn l-imputati kif ukoll fuq il-Facebook profile ta’ mara minn rasha l-isfel.
Sultana nnega li kien konxju dwar il-‘massage parlour’ u l-attivitajiet li kienu jsiru fih, u meta kkonfrontat bil-kontenut tal-messaġġi fuq il-mobile tiegħu qal li ma kienx jaf min bagħathom. Fl-istess waqt iżda ammetta li numru ta’ messaġġi li nstabu fuq l-istess profile, dwar bejgħ t’arloġġi w deheb, kien bagħathom hu!
Fuq l-istess mobile kien hemm skambju ta’ messaġġi bejnu u l-imputata fejn deher ċar li il-profile kien wieħed komuni w jintuża minnhom biex imexxu il-‘massage parlour’. Dwar il-flus li nstabu stqarr li kienu ‘cash settlement’ mingħand insurance u filwaqt li ammetta għall-vizzju qawwi li kellu ghad-droga semma li hu jgħix biss bir-relief w għalhekk bla ebda introjtu ieħor.
L-investigazzjonijiet waslu lil Pulizija biex tidentifika s-sid tal-ħanut (parlour), ċertu Josianne Brincat, li nfurmat lill-pulizija li kienet biegħet il-post ghall- €23,000 cash lil raġel mill-Ħamrun li mar mat-tfajla tiegħu, li ġew identifikati bħala l-imputati.
Meta ġiet interrogata, Cutajar eżerċitat id-dritt tas-silenzju. Fuq Cutajar instabu ċwievet li rriżultaw kienu tal-‘massage parlour’. Instab VAT receipt book fil-ħanut il-Fgura iżda li kien jappartjeni lill-imputata fuq ‘massage parlour’ ieħor fil-Mosta.
Minn dan ir-‘receipt book’ inħarġu biss żewġ riċevuti, bit-tieni waħda tkun għal €80 fl-24 ta’ Mejju, 2018.Gew esibiti wkoll il-flejjes elevati. Sultana qal lill-investigaturi li l-€2,480 kienu provvenjenti minn wirt u jappartjenu lil Cutajar. Cassar ikkonferma li kien propju minħabba l-kondotta mtappna ta’ Sultana li l-oġġetti li nstabu fil-vettura qanqlu suspett abbinat mal-fatt li ma għandux mutur reġistrat fuq ismu.
In kontro-eżami, mitlub jispjega għaliex l-imputati gew addebitati bir-reat ta’ money laundering, l-ispettur irrefera għall-ħlas cash li sar għall-ħanut, għalkemm il-kuntratt jgħid li saret donazzjoni, kif ukoll għall-fatt li Pawlina ma spjegatx il-provvenjenża tal-flus li nstabu għalkemm intqal li kien hemm wirt.
Għall-pulizija deher li dan kien każ ta’ “retention of dirty money”. Minn investigazzjonijiet rriżulta li l-imputati għandhom wild bejniethom. Dwar dak li nstab fil-vettura ta’ Sultana jgħid li l-martell hu forma ta’ safety equipment, li jippermetti tkissir ta’ ħġieġ f’każ li vettura taqa’ fl-ilma.
Stqarrija ta’ Johan Sultana
Fl-istqarrija tiegħu Sultana jammetti li d-droga b’piż 0.614g kienet tiegħu. IlMercedes hi t’ommu iżda jużaha hu wkoll. L-ingwanti kienu differenti, waħda latex u waħda suf. Skond Sultana waħda “tar-racer u l-ingwanta tal-kesħa” Lunika introjtu tiegħu hu ta’ €600 fix-xahar u kuljum jieħu smack, bejn 05- 1gramme li jixtriha €35 il-gramma.
Biex issostni l-vizzju jgħid li “Ommi tghini hux” iżda sekondi wara jammetti li ommu ma taħdimx imma “Li qieghed magħha jahdem”. Jammetti li jaf li l-affarijiet li nstabu fil-vettura huma illegali għaliex kien instab ħati ta’ serq fil-passat u mitlub jgħid fejn hi l-ingwanta l-oħra “Mela intielfet jew hekk” Jammetti ukoll li l-mobile hu tiegħu.
Din il-konferma hi waħda importanti tenut ta’ dak li jixhed fuq il-pedana l-imputat meta jbiddel il-verżjoni totalment! Pawlina Cutajar ma wieġbet għall-ebda domanda nkluż jekk għandhiex xi negozju fid-deheb minħabba n-natura tal-messaġġi li nstabu fuq il-profile tagħha.
Fl-istqarrija tiegħu Sultana jikkonferma li d-droga hi eroina w li kien user. Ilu erba’ snin taħt tabib u jmur ghal methadone. Huwa qal fil-Qorti li ma jafx jikteb imma mill-provi ħareġ kemm dan mhux minnu. Huwa kien kiteb “I use my wife FB Pawlina Cutajar” jew xi messaġġ ieħor!!
Kif kien jimpjega l-barranin
Ħareġ li bejn it-2 u l-4 ta’ Jannar 2019 hemm skambju ta’ messaġġi ma persuna interessata f’impjieg fil-massage shop. Jitlobha għal ritratt “send us full photo of you recent one” (18:02) u f’18:07 tibgħatlu tliet ritratti. Bla kantunieri jgħidilha “Let me explain u know what happen (sic) in massage parlours (19:55)……..the shop offers sex to clients” (20:02).
Wara li din titlob tkun taf dwar l-introjtu mistenni, jgħidilha li klijenti jħallsu €50 ghal 30 minuta li jinqasmu 50/50. Jistaqsiha jekk għandhiex tfal ġewwa Malta w meta tirrispondi fin-negattiv jirrimarka “Fine”. Tgħidlu li tgħix l-Italja iżda tista’ tiġi Malta. Jispjegalha li s-sigħat huma mit-Tnejn salĦamis mit-3pm sad-9pm u l-weekend mid-9.30pm sa 9pm (20:04-20:06).
Hekk kif din turih li disposta tiġi Malta fil-weekend, jitlobha aktar ritratti peress li tidher b’kulur ta’ xagħar differenti. Jibqgħu miftehma li meta issib flight irħis tiġi minn Ruma għalkemm kienet tinsab Napli. Fl-4 ta’ Jannar, 2019, jistaqsi jekk sabitx flight iżda tgħidlu li għadhom għoljin.
Fis-17 ta’ Jannar 2019 jidher anzjuż u jistaqsiha “Are you coming to Malta si o no”. Meta l-għada tikkonferma li ġejja, jinfurmaha li l-affarijiet rnexxew għaliex it-tfajla loħra telqet il-jum ta’ qabel u l-post lest għaliha. Rikjesta oħra minn fuq numru Malti hi rigward post li juri ‘vacancy’ fejn applikanti huma mħeġġa jcemplu n-numru tal-mobile partikolari.
Dan hu n-numru abbinat mal-mobile li kien qed juża Sultana meta twaqqaf mill-pulizija! L-ewwel jistaqsiha hiex mara w kif tikkonfermalu, jitlobha “2 recent photos of you full pic” u “if the senior likes what he sees job is urs” (17:58), bħallikieku mhux hu jieħu d-deċiżjonijiet!
Diversi huma l-messaġġi bejn tfajla Kolombjana, Tatiana, li qed tfittex impjieg u Sultana jgħidilha li immedjatament iridu jimpjegaw nisa bix-xogħol jinvolvi massages bil-“happy ending with protection clients love it” (09:34) u “The shop caters for clients who want sex” (10:39). Meta klijent jistaqsi prezz għall-lejl sħiħ jiġi nfurmat li l-prezz għall-lejl ikun il-fuq minn €600
Johan avża lil Pawlina li ċertu tfajla kienet għamlet kuntatt magħhom u jirriproduċi l-messaġġ li kjarament intbagħat bħala messaġġ fuq il-page ta’ Pawlina fejn infurmathom li l-għada setgħet tmur wara it-3pm. Dan jimmanifesta kif Sultana kellu aċċess liberu ghal Facebook profile ta’ Cutajar li kien infetaħ bl-isem Paula Cutajar (Paula) u taħtu il-kliem Bliss Massage Fgura bin-numtu tal-mobile..
Il-messaġġ li jsegwi juri għal darb’ oħra kemm verament Sultana kellu aċċess għal FB profile ta’ Cutajar: jispjegalha li biex tibgħat ir-ritratti ta’ tfajla kellha tidhol f’ Messenger “u lil min bghattom jien ghamel save minn hemm” Messaġġ ieħor fuq Facebook post minn fuq il-page ta’ Pawlina Cutajar fejn jiġi reklamat vacancy f ‘massage shop bl-introjtu jinqasam 50/50.
Klijent ieħor bħal oħrajn kien għaraf lill-imputata bħala l-persuna li mar il-ħanut tagħha tal-massaggi fil-Mosta. Il-klijenti qalu li huma kienu jingħataw diversi tipi ta’ pjaċiri sesswali kemm mill-imputata kif ukoll minn nisa oħra fil-ħwienet tal-Fgura u l-Mosta.
Il-Qorti filwaqt li kkundannat lil Johan Sultana għal tliet snin ħabs, kkundannat lil Pawlina Cutajar għal erba’ xhur priġunerija sospiżi għal sentejn u estendit is-sentenza sospiża mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati fis-16 ta’ Mejju 2018, ta’ sena priġunerija sospiżi għal sentejn. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jonathan Cassar u Roxanne Tabone, l-Avukat Roberto Montalto kien id-difensur tal-koppja.