Il-President tal-Ukrajna,Volodymyr Zelensky, waqt indirizz lin-nazzjon, akkuża lir-Russja b’li insiet ‘il-lezzjonijiet ħorox tat-Tieni Gwerra Dinjija’.
Dan meta r-reġim ta’ Moska qed jippersisti fit-triq tal-ġenoċidju waqt li qed jirrepeti l-atroċitajiet li l-qawwiet Nażisti kienu wettqu madwar l-Ewropa, aktar minn 75 sena ilu.
Zelensky qal dan il-kliem biex jirribatti l-istqarrijiet kontinwi tar-Russja li qed jippruvaw juru lill-Ukrajna bħala Stat Nażista – u minkejja l-fatt li l-President Ukren għandu nisel Lhudi.
Fil-fatt, hi proprja r-Russja li qed tirrepeti t-tattiċi tal-passat esegwiti min-Nażisti permezz tal-offensivi attwali fuq diversi reġjuni Ukreni mingħajr l-ebda rispett għall-ħajja tal-poplu.
Fl-aħħar sigħat, uffiċjal ewlieni tal-Istati Uniti wissa li r-Russja qed tħejji r-referenda għall-indipendenza ta’ reġjuni okkupati mir-Russi lejn il-Lvant tal-Ukrajna.
Michael Carpenter, l-Ambaxxatur Amerikan għall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), fisser dan l-impenn minn Moska bħala ‘qarrieqi u falz’. Hu anki enfasizza ‘l-indikazzjonijiet li r-Russja se tipprova tgħaqqad lid-dikjarati Repubblika tal-Poplu ta’ Donetsk u r-Repubblika tal-Poplu ta’ Luhansk ma’ artha.’
U skont Carpenter, ir-Russja qed tippjana biex ir-referenda inkwistjoni jsiru f’nofs dan ix-xahar u wara li l-President Zelensky kien ilu jwissi dwar l-istrateġiji ta’ Moska għall- ‘psewdo-referenda’ fl-artijiet tal-Ukrajna. It-twissijiet ilhom mindu l-President Russu, Vladimir Putin, aktar kmieni fis-sena, ħabbar li kien qed jirrikonoxxi ‘waħdu’ lir-reġjuni separatisti ta’ Donetsk u Luhansk.
//= $special ?>