Lokali Unjoni Ewropea

Vot qawwi fil-PE favur in-nomina ta’ George Hyzler għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri

George Hyzler, li s’issa qed iservi bħala l-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, irċieva vot b’saħħtu mill-Parlament Ewopew biex ikun membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

B’hekk, bil-vot li kiseb – 551 favur u 33 kontra – ifisser li n-nomina ta’ Hyzler tinsab biss pass ‘il bogħod, hekk kif jonqos biss l-approvazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa.

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu fuq Facebook, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech feraħ minn qalbu lil George Hyzler għal dan il-vot b’saħħtu, filwaqt li qal li b’ħidmietu, Hyzler żgur li se jħalli impatt pożittiv f’din l-istituzzjoni Ewropea, kif għamel kulfejn serva f’pajjiżna.

Fil-fatt, minbarra fil-ħidma legali, hu serva bħala Segretarju Parlamentari fi Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Eddie Fenech Adami qabel ma fl-2018 sar l-ewwel Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika

Messaġġi ta’ awguri waslu wkoll, fost l-oħrajn, mill-Partit Nazzjonalista u mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa.

Ftit tal-jiem ilu, Hyzler kien approvat mill-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Kontroll tal-Budget b’25 vot favur u żewġ voti biss kontra.

Fil-bidu ta’ April, il-Prim Ministru Robert Abela kien ħabbar li kien qed jinnomina lil George Hyzler għal din il-kariga Ewropea minkejja li kien għad fadallu terminu ta’ sena bħala l-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Fl-erba’ snin li ilu jservi f’din il-kariga f’pajjiżna, Hyzler u l-Uffiċċju tiegħu ppreżentaw diversi rapporti li saħansitra wasslu għal riżenji ta’ membri fil-Kabinett Laburista.