Lokali

Dar Tgħanniqa t’Omm tiftaħ il-bibien tagħha għall-pubbliku

Dar Tgħanniqa t’Omm li tinsab il-Mosta, fetħet il-bibien tagħha sabiex il-pubbliku jkun jista’ jara u jifhem ix-xogħol li jsir mil-volontiera li b’dedikazzjoni kbira jgħinu lil dawk li jkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet ftit diffiċli.

Din id-dar hija mmexxijja minn Life Line Malta, fergħa tal-Life Network Foundation u tilqa’ fiha nisa li jkunu għaddejjin min żmien diffiċli, li jkunu qed jikkunsidraw li jagħmlu abort, jew li jkunu qed jaffaċċjaw kumplikzzjonijiet fil-ħajja jew fit-tqala tagħhom.

Id-dar bħalissa toffri kenn lil 4 ommijiet, uħud minnhom bit-tfal żgħar, u oħrajn li huma tqal. Minbarra li toffri saqaf fuq ras dawn in-nisa, id-dar tagħti wkoll għajnuniet oħra, fosthom counselling kemm lil dawn in-nisa, kif ukoll lil nies qrib tagħhom.

Life Line toffri wkoll sapport lil nisa u rġiel li fil-passat ikunu għażlu li jitterminaw tqala billi jagħmlu abort. Dan jagħmluh permezz ta’ professjonisti li jgħinu biex il-persuna tgħeleb it-trawma psikoloġika li jġib miegħu l-abort.

Biex tkun tista’ tagħmel dan kollu, Life Line tiddependi fuq l-għajnuna tal-volontiera u fuq id-donazzjonijiet mill-pubbliku. L-ommijiet jibqgħu fid-dar sa sena u Life Line tibqa’ tgħinhom sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jintergraw ruħhom fil-komunità.

Is-Sinjuar AnneMarie Grech, kif ukoll id-Deputati Nazzjonalisti Janice Chetcuti, Graziella Galea u Graziella Attard Previ għamlu żjara f’din id-dar fejn faħħaru l-inizjattiva ta’ Life Line u lill-volontiera li qed jagħmlu xogħol imprezzabbli. Huma saħaq fuq il-bżonn li nisa u familja li jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli marbuta ma’ tqala, jsibu s-sostenn li qed toffri Life Line u appellaw sabiex il-pubbliku jagħti l-għajnuna kemm finanzjarja kif ukoll fiżika biex djar bħal din ikunu jistgħu jibqgħu joffru kenn għal min ikun għaddej minn diffikultà.