Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: L-Unjoni Ewropea lesta biex timponi l-aktar miżuri ħorox għall-Kremlin

L-Unjoni Ewropea ħarġet bi proposti għall-aktar miżuri ħorox li qatt imponiet fuq pajjiż, bil-ħsieb li tirranka l-pressjoni fuq ir-Russja ħalli twaqqaf l-invażjoni tal-Ukrajna.

Il-miżuri proposti jinkludu projbizzjoni totali għall-importazzjoni taż-żejt mir-Russja flimkien ma’ sanzjonijiet ‘ewlenin’ għar-Russi suspettati dwar reati tal-gwerra fl-artijiet Ukreni.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, waqt diskors lill-Parlament Ewropew ( fi Strasbourg), qalet li l-pakkett tal-miżuri qed ikun imfassal ukoll bil-ħsieb li l-Ewropa ssofri l-anqas danni. Dan meta l-UE hi impenjata biex twaqqaf b’mod gradwali – u fi żmien sitt xhur – ix-xiri taż-żejt mhux irraffinat mingħand ir-Russja.

Von der Leyen għamlitha ċara wkoll li l-Ewropa se tistinka biex issir il-ġustizzja mal-uffiċjali militari tar-Russja li kienu involuti f’suspettati reati tal-gwerra fl-ibliet Ukreni ta’ Bucha u Mariupol.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea sostniet li ‘l-Ewropej jafu min huma l-qattiela tan-nisa u tfal Ukreni’ u li dawn il-qattiela, ‘il quddiem, se jinżammu kontabbli għal għemilhom.

L-UE ilha l-ġimgħat tanalizza s-sitwazzjonijiet li bihom ma tibqax dipendenti fuq iż-żejt u l-gass prodott mir-Russja. Dan meta l-Unjoni diġà impenjat ruħha biex tnaqqas l-importazzjoni tal-gass (mingħand ir-Russja) b’żewġ-terzi sal-aħħar tal-2022 – bil-pajjiżi Ewropej qegħdin jippjanaw ukoll biex ‘jeliminaw ix-xiri taż-żejt u prodotti oħra raffinati tal-enerġija ( dejjem mingħand ir-Russja) sa tmiem din is-sena’.

Skont il-proposti, is-Slovakkja u l-Ungerija – żewġ Stati membri tal-UE li huma partikularment dipendenti fuq iż-żejt tar-Russja – għandhom jingħataw sa sena ‘addizzjonali’ biex isibu mezzi oħrajn li jipprovdulhom dan ir-riżors.

Fl-istess ħin, il-Gvern Ungeriż qal li mhux jara xi pjani jew garanziji ta’ ‘transizzjoni ( mill-proċess tax-xiri taż-żejt u l-gass mingħand ir-Russja) li ma tweġġa’ lil ħadd’.

Il-pakkett propost mill-UE, l-ewwel, jeħtieġ l-approvazzjoni mingħand l-ambaxxaturi tal-Unjoni imbagħad mistenni jkun iffirmat mir-rappreżentanti tal-Istati-membri fi kwistjoni ta’ ġranet.